Il-President Brażiljan jgħid lill-Brażiljani biex jieqfu jkunu “sissies”… “Kulħadd se jmut xi darba”

Il-President Brażiljan, Jair Bolsonaro, għal darba oħra reġa’ sab ruħu f’nofs kontroversja minħabba l-kwistjoni tal-imxija COVID-19. Waqt diskors li kien qiegħed jagħmel, Bolsonaro qal lill-poplu Brażiljan kollu biex jieqaf ikun “sissie” u jibża’ minħabba l-COVID-19. Huwa kompla jgħid li “xi darba jew oħra kulħadd se jmut.”

L-istess Bolsonaro, fil-bidu tal-pandemija qal li, il-COVID-19 hija biss influwenza, saħasnitra ddeskriviha bħala marda li l-Ewropa qed tneffaħ għal xejn. Wieħed ta’ min ifakkar li Bolsonaro nnifsu kien ittesttja pożittiv għall-COVID-19. 

Il-President Brażiljan mhux l-ewwel mexxej dinji li pprova jpinġi s-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19 bħala xi ħaġa eseġerata. Fil-fatt, bħal Bolsonaro, mhux l-ewwel darba li l-President Donald Trump, aleat kbir tal-President Brażiljan, qal li, “kull x’ħin tixgħel it-televiżjoni kulma tisma’ huwa fuq COVID.” 

Skont l-istatistika tal-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-Brażil u l-Istati Uniti huma l-aktar żewġ pajjiżi li għandhom infezzjonijiet u l-għola rata ta’ mwiet kaġun tal-COVID-19. Minkejja dawn in-numru xokkanti, iż-żewġ mexxejja jibqgħu jinsistu li mhemmx bżonn allarm u prekawzjonijiet żejda biex wieħed jiġġieled il-COVID-19.

Share With: