Il-Prim Ministru jilqa’ lil Michael Mifsud f’Kastilja

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja lil Michael Mifsud li ftit tal-jiem ilu rtira mit-team nazzjonali  bl-aħħar logħba tiegħu tkun partita ta’ ħbiberija kontra Liechtenstein, fl-Istadium Nazzjonali, fejn saħansitra niżżel ismu fost l-iskorers.

Il-Prim Ministru rringrazzja lil Mifsud tas-servizz li ta lit-team nazzjonali u sostna li l-pajjiż kollu huwa kburi b’dak li rnexxielu jikseb.

Dr Abela ppreżenta tifkira lil Mifsud filwaqt li l-player Malti rreċiproka b’għotja ta’ flokk tat-team nazzjonali lill-Prim Ministru.

Mifsud lagħab għal kważi 20 sena għal Malta fejn libes il-flokk nazzjonali għal xejn inqas minn 143 darba li fihom skorja 42 goal.

Mifsud kellu karriera twila wkoll lil hinn minn xtutna fejn lagħab mat-timijiet bħal FC Kaiserslautern, Lillestrom u Coventry City fost oħrajn.

F’pajjiżna huwa beda jilgħab ma’ Sliema Wanderers u preżentament huwa player ta’ Sirens. 

Jakkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela kien hemm is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima. Preżenti wkoll kien hemm il-viċi-president tal-Malta Football Association, Ludovico Micallef.

Share With: