Il-proġett ta’ housing soċjali ġdid f’Ħ’Attard jidħol fl-aħħar fażi

Fi żjara fuq is-sit ta’ housing soċjali ġdid fi Triq l-Għenba f’Ħ’Attard, il-Ministru għall Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li dan is-sit daħal fl-aħħar fażi. Dan hekk kif qed  jiġu mgħoddija s-servizzi u bdew il-finishes, b’investiment li jlaħħaq il-€570,000. Dan l-investiment  se jagħmel differenza fil-ħajja ta’ 8 familji.  

Il-Ministru Roderick Galdes tenna li dan il-proġett ta’ housing soċjali f’Ħ’Attard huwa eżempju ċar  li l-gvern mhuwiex qed jibni konċentrazzjoni ta’ housing soċjali f’żona waħda, u li l-akbar  investiment fil-housing soċjali fl-aħħar snin qed jissarraf f’binjiet ta’ kwalità li jaħsbu wkoll fil komunità.  

“Il-viżjoni tagħna bħala gvern mhix li sempliċiment inwettqu l-akbar proġett ta’ housing soċjali fl aħħar snin iżda li nibnu appartamenti ta’ kwalità u sostenibbli li jaħsbu wkoll fil-komunità tal madwar. Dan mhux qed ngħiduh biss iżda ġie rikonoxxut ukoll mill-Awtorità tal-Ippjannar li fl-aħħar  jiem ippreżentat lill-Awtorità tad-Djar urban planning concept award għall-proġett ta’ housing soċjali  ġdid f’Bormla. Proġett li qed iservi bħala best-practice ta’ kif wieħed għandu jibni housing soċjali.  B’disinn innovattiv li jippreserva l-arkitettura li nsibu f’Bormla, li mhux biss se joffri saqaf lil 68  familja iżda jinkludi wkoll childcare centre, ċentru għall-komunità kif ukoll pjazza ġdida”. 

Qal li kull proġett ta’ housing soċjali ġdid qed jinbena fuq l-istess pedament ta’ karatteristiċi li qed ibiddlu l-akkomodazzjoni soċjali minn kif nafuha għal waħda li tħalli impatt viżiv pożittiv fuq l-ibliet  u l-irħula tagħna u li tassigura li ma jinħolqux żoni żvantaġġati jew emarġinati fiċ-ċentri urbani  tagħna.  

“Ma nistax intenni biżejjed li għalina kulħadd ħaqqu l-opportunità li jimxi ’l quddiem u li l-ħidma li  qed inwettqu biex pajjiżna jkollu 1,700 unit ġdid ta’ housing soċjali ġdid hija proprju mmirata biex  il-familji Maltin u Għawdxin, li huma ġenwinament fil-bżonn, jingħataw saqaf li jservi bħala bażi biex pass wara pass jibnu l-ħajja tagħhom mill-ġdid u jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem”. 

Il-Ministru Galdes ikkonkluda li minkejja r-riżultati pożittivi, hekk kif diversi binjiet ta’ housing  soċjali ġodda resqin lejn il-fażijiet finali, il-gvern qatt mhu se jistrieħ fuq il-kisbiet iżda se jkompli  jwettaq aktar biex nassiguraw ħajja ta’ kwalità għall-poplu Malti u Għawdxi.  

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay esprima sodisfazzjon li l-proġetti ta’  akkomodazzjoni soċjali mixjin ġmielhom. “Qegħdin nieħdu approċċ ħolistiku biex nutilizzaw kull  possibilità li żżid l-istokk tal-bini għall-akkomodazzjoni soċjali”.

Huwa qal li qed jittieħdu miżuri addizzjonali sabiex ikomplu jindirizzaw l-abbużi li qed isiru. Is-Sur  McKay ħabbar li d-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali fi ħdan l-Awtorità tad-Djar se jibda  jagħmel eżerċizzju addizzjonali biex tiġi aġġornata l-informazzjoni eżistenti tal-applikanti kollha.  Dan hekk kif se jibdew isiru riċerki estensivi fuq id-dħul u l-assi li għandhom l-applikanti, kemm  dawk ġodda kif ukoll dawk eżistenti. Huwa kkonkluda li, “Dawn il-miżuri huma prova ċara ta’ kemm għandna għal qalbna l-persuni li  huma ġenwinament fil-bżonn. Dan kollu qed isir fl-interess tagħhom”

Share With: