Il-protokoll tal-MFA ‘Return to Play’ jara 90% tal-partiti jintlagħbu

L-ewwel xahrejn tal-istaġun domestiku tal-football 2020/21 kienu ta’ sfida kontinwa iżda l-Protokolli tal-MFA Return to Play kienu strumentali fl-imminimizzar tar-riskju tal-Covid-19 permezz tal-implimentazzjoni tal-miżuri u linji-gwida propizji tas-saħħa waqt li wkoll jippermettu li l-kompetiz­zjonijiet ikunu jistgħu jitkomplew bl-inqas tfixkil possibbli.

Waqt li s-sitwazzjoni fluwida tal-Covid-19 dejjem kienet se jkollha mpatt, l-MFA kienet f’sitwazzjoni li tamministra viċin id-90% tal-partiti skedati fil-kampjonati nazzjonali tal-football u dak tan-nisa, sas-6 ta’ Novembru, 2020.

Meta kien qed jikkummenta fuq dan is-suġġett, il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, qal: “Waqt li konna ferm kon­xji tad-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-Co­vid-19, il-protokolli tas-saħħa u operazzjonali tagħna xpru­nawna biex nerġgħu nibdew bil-kompetizzjonijiet tal-football.”

“Għalkemm fiċ-ċirkostanzi preżenti, huwa impossibbli li nikkreaw ambjent kompletament mingħajr riskju, il-miżuri li mplimentajna għenu bis-sħiħ biex nissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtá ta’ dawk kollha nvoluti. Il-protokolli wassluna wkoll biex namministraw b’mod effettiv il-każijiet pożittivi.” 

“Din l-operazzjoni kollha tinvolvi sforz massiv mit-team mediku tagħna u d-dipartimenti rilevanti kollha waqt li l-koperazzjoni tal-clubs u stakeholders oħra hija wkoll kruċjali.”

 “L-MFA tibqa’ kompletament kommessa biex taderixxi għall-protokolli stabbiliti u tissapportja lill-clubs tagħna iżda s-sitwazzjoni għadha ta’ sfida kbira. Irridu nkomplu neżerċitaw il-kawtela u nirrispettaw il-miżuri u l-linji-gwida stabbiliti fil-protokolli tagħna kif ukoll dawk maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.”

 Il-proċess ta’ contact tracing imsemmi fil-Protokolli tal-MFA Return to Play skond kif maqbul mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, lagħbu rwol kruċjali. It-team mediku tal-Assoċjazzjoni wettqu 40 assessjar ta’ contact tracing matul il-kampjonati kollha.

Ħamsa fil-mija biss tal-players li kienu nklużi fil-lista tal-iskwadri tal-clubs ittestjaw pożittiv għall-Covid-19 sas-6 ta’ Novembru, 2020, filwaqt li 68% tal-players ma kinux obbligati li jmorru fi kwarantina bħala riżultat ta’ assessjar metikoluż ta’ contact tracing immexxi mit-team mediku tal-MFA.

Fil-Kampjonat BOV Premier, ħames partiti biss kellhom jerġgħu jiġu skedati sa tmiem is-seba’ ġurnata ekwivalenti għal 9% tat-total. In-numru ta’ partiti li kellhom jerġgħu jiġu skedati fil-kompetizzjonijiet l-oħra sas-6 ta’ Novembru kienu:

 – BOV Challenge League – 7 minn 49 fixtures (14%)

 – BOV National Amateur League – 2 minn 20 (10%)

 – National Amateur Cup – 1 minn 8 (12%)

 – BOV Kampjonat tan-Nisa – 14 minn 15-il partita milgħuba (partita minnhom kellha terġa’ tiġi skedata minħabba l-impenji ta’ Birkirkara fiċ-Champions League tan-Nisa).

 Matul il-ġimgha li għaddiet biss, it-team mediku tal-MFA amministra wkoll 179 test rapidu tal-Covid-19 – 175 ittestjaw negattiv u erbgħa biss (2%) ittestjaw pożittiv.

Share With: