“Il-virus għalih ma jeżistux festi … jieħu kull opportunità li aħna nagħtuh biex jinfetta iktar nies”

Miktub minn Maria Azzopardi

Waħda mill-iktar affarijiet li t-tobba qed jaraw fin-nies li kellhom il-Covid-19 hija li jibqgħu jħossu ċertu għejja u hemm min jibqa’ jkollu ċertu xrieraq xotti, minkejja li dak li jkun ma jkunx għadu infettiv għal ħaddiehor. 

Hekk qal il-Virologu Dr Chris Barbara ma’ inewsmalta meta mistoqsi jekk hux qegħdin jiltaqgħu ma’ każijiet fejn il-persuna jkun għaddilha mill-virus pero mbagħad tibqa’ bi problemi oħrajn. 

Dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, Dr Barbara qal li qegħdin jibqgħu jsegwu pazjenti oħrajn għaliex jista’ pereżempju jkollhom problemi f’ċerti organi bħat-tirojde, il-qalb u ċerti muskoli. “Mhix xi ħaġa li tara b’mod regolari pero qed narawha b’mod iktar frekwenti. Fil-maġġorparti ma jaffettwalhomx l-organi pero hemm numru li jkollhom ċertu konsegwenzi fuq dawn l-organi, jiġifieri rajna ftit każijiet hekk bħalma qed jaraw pajjiżi oħrajn ukoll. Malta mhi l-ebda eċċezzjoni. L-importanti li aħna nibqgħu nsegwuh lill-pazjent u jekk dak li jkun kellu l-Covid u jibda jħoss xi ħaġa, importanti li jkellem lit-tabib tiegħu.”

Din is-sitwazzjoni qiegħda tiġi rrappurtata wkoll f’pajjiżi oħrajn barra minn Malta fejn uħud mis-sintomi tal-Covid-19 kultant jistgħu jippersistu għal xhur. Fost il-kundizzjonijiet fit-tul li qed ikunu rrappurtati barra minn Malta jinkludu għejja, xerqa, nuqqas ta’ xamm u togħma, uġigħ ta’ ras, dardir, uġigħ fis-sider jew fl-addome u problemi fl-organi bħal fil-pulmun u l-qalb.

“Qegħdin nibqgħu nsegwu pazjenti oħrajn għaliex jista’ jkollhom problemi f’ċerti organi”

Dr.Chris Barbara

Persuna li kellha l-Covid, u li tkellmet ma’ dan is-sit ix-xahar li għadda, qalet li minkejja li suppost fieqet mill-virus għadha tħoss ċertu għejja tant li jkun hemm waqtiet fejn tiġi għejja kbira fejn ma tkun tiflaħ tagħmel xejn. Filwaqt li persuna oħra kienet qalet li għaddew ġimgħat u għadha xi drabi tħoss qtugħ ta’ nifs, kien hemm ukoll persuni li mardu u li wara li ġew dikjarati negattivi mill-virus, ix-xamm u t-togħma ma ġewx lura.

“Il-virus għalih ma jeżistux festi… Nixtiequ l-kooperazzjoni tal-pubbliku”

Dr Barbara qal li l-virus għalih ma jeżistux festi u għalhekk huwa importanti li nibqgħu nsegwu l-istruzzjonijiet li jingħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa. Huwa qal li l-virus qiegħed hemm biex kull opportunità li aħna nistgħu ntuh, hu jeħodha biex jinfetta iktar nies. 

“Jiena naħseb li n-numri, bħal pajjiżi oħra, huma għoljin u huwa f’dan iż-żmien li n-numri huma għoljin li iktar qed jagħti problemi lis-sistema tas-saħħa, is-saħħa pubblika, l-isptarijiet u ċentri tas-saħħa. Allura aħna bħala tobba qegħdin daqsxejn taħt pressjoni biex inħallqu ma’ din it-tagħbija kbira li għandna preżentement. Dan ifisser li aħna nixtiequ l-kooperazzjoni tal-pubbliku biex kemm jista’ jkun joqgħodu attenti minn dawn il-mitigazzjonijiet li diġà ilna nħabbru bħal pereżempju li nżommu d-distanza soċjali,” qal Dr Barbara.

“Kultant nibdew ngħidu għax din il-persuna hija mill-familja jew xi ħadd mix-xogħol, allura m’hemmx għalfejn noqgħodu ‘l bogħod minn xulxin. Imma le, irridu noqgħodu ‘l bogħod minn xulxin għax jista’ jkun xi ħadd minn tal-familja jew xi ħadd mix-xogħol li jkun pożittiv u mbagħad nispiċċaw nieħdu l-infezzjoni aħna. Għalissa importanti li nżommu d-distanza soċjali, nilbsu l-maskri, il-ħasil tal-idejn u li ma mmissux wiċċna,” qal Dr Barbara.

Huwa żied jgħid li jekk kulħadd jieħu ħsieb dawn l-affarijiet u ma ninsewx, il-virus ngħalqulu l-bieb u b’hekk in-numri tagħna jinżlu, ma nibdewx naraw dawn il-kumplikazzjonijiet u jibdew jonqsu l-ammonti ta’ mwiet li jkollna. 

“Irid ikollna responsabbiltà kbira meta aħna qegħdin ngħixu din in-normalità l-ġdida, biex hekk nipproteġu lil xulxin. Jekk xi ħadd ma jieħux din ir-responsabbiltà, din il-katina se tinqata’ u l-virus jieħu l-opportunità,” qal Dr Barbara.

Share With: