Il-WADA sfurzata tippubblika apoloġija u tħallas danni ‘sostanzjali’ lil Mamadou Sakho

L-Aġenzija Dinjija tal-Anti-Doping (WADA) ġiet sfurzata tippubblika apoloġija u tħallas danni ‘sostanzjali’ lill-ex difensur ta’ Liverpool, Mamadou Sakho, wara li hu rebaħ każ ta’ libell.

Id-difensur Franċiż, li bħalissa qed jilgħab ma’ Crystal Palace, fetaħ libell li kien jammonta għal £13-il miljun u wkoll ingħata apoloġija wara li fl-2016 ġie sospiż minħabba abbuż ta’ drogi kif ukoll minħabba emails ‘defamatorji’ li bagħtet il-WADA li Sakho jemmen li affettwawlu l-karriera tiegħu ma’ Liverpool taħt it-tmexxija tal-manager Jurgen Klopp.

Sakho, li għandu 30 sena, ġie sospiż mill-football f’April 2016 wara li ttestja pożittiv għal sustanza ta’ kontra l-obeżitá bl-isem ta’ ‘Higenamine’ wara partita mill-UEFA Europa League kontra Manchester United.

Matul l-investigazzjoni, ġie deċiż li huwa ma kienx se jilgħab ma’ Liverpool u iktar tard ġie milqut bi 30 jum sospensjoni li rawh jitlef il-kumplament tal-istaġun ma’ Liverpool, kif ukoll, skond hu, post mat-team nazzjonali ta’ Franza fil-Kampjonati Ewropej 2016.

Madankollu, is-sospensjoni tiegħu skadiet wara t-30 jum inizjali minħabba li l-‘Higenamine’ instabet li ma kinitx fuq il-lista ta’ sustanzi projbiti qabel ma l-UEFA irtirat il-każ f’Lulju tal-2016.

Sakho mbagħad ma kienx instab ħati sena wara bil-UEFA tikkritika b’mod feroċi lill-WADA minħabba li huma xejn ma kienu ċari rigward jekk il-‘Higenamine’ kinitx sustanza projbita jew le.

Share With: