Il-wasliet fl-MIA matul ix-xahar ta’ Settembru jonqsu b’aktar minn 80%

In-numru ta’ persuni li waslu Malta naqsu drastikament hekk kif ir-restrizzjonijiet imposti minħaba l-pandemija tal-covid-19 komplew iħallu l-effett tagħhom fuq l-ivvjaġġar bl-ajru.

F’Settembru n-numru ta’ persuni li waslu Malta mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien jammonta għal 50,359, tnaqqis ta’ 82.5% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li 46,966 minnhom kirnu turisti, filwaqt li 2,074 oħrajn ġew f’pajjiżna għal raġunijiet ta’ negozju.

Il-biċċa l-kbira tal-wasliet – 48.8% – kienu bejn il-25 u l-44 sena.

L-akbar ammont ta’ passiġġieri waslu mill-Ġermanja (21.7%).

Meta mqabbel ma’ Settembru tas-sena li għaddiet, in-numru ta’ ljieli mqattgħin f’pajjiżna naqsu b’77.4%.

L-infiq mit-turisti kien stmat li jammonta għal €39.8 miljun, tnaqqis ta’ 84.5% mill-istess xahar is-sena li għaddiet.

Share With: