Illum Malta tilgħab kontra Liechtenstein … b’tislima lil Michael Mifsud

It-team nazzjonali Malti immexxi minn Devis Mangia, illum se jilgħab partita ta’ ħbiberija kontra Liechtenstein bħala parti mill-preparamenti għall-aħħar żewġ konfronti tal-UEFA Nations League fil-jiem li ġejjin kontra l-Faroe Islands u Andorra.

Barra minn hekk, din se tkun partita speċjali għall-attakkant internazzjonali Malti, Michael Mifsud, hekk kif se jilgħab l-aħħar partita tiegħu bil-flokk ta’ pajjiżna.

Din se tkun il-143 dehra tiegħu bil-flokk aħmar  filwaqt li diġá kiser ir-rekords kollha possibbli meta skorja 41 goal f’karriera ta’ 20 sena. Huwa mistenni jkun fil-formazzjoni  inizjali u se jkun ukoll il-captain għall-aħħar darba. 

Mangia mistenni jmexxi lit-team minn fuq il-bank wara li rkupra fil-ħin meta għamel perjodu ta’ kwarantina minħabba li nstab pożittiv għall-coronavirus.

Meta għażel l-iskwadra għal dawn il-konfronti, huwa kellu jħalli barra diversi players għalkemm fl-aħħar minuta nkluda lill-winger ta’ Gudja United, Aidan Jake Friggieri, u lill-attakkant ta’ Sliema Wanderers, Alex Satariano. Dan filwaqt li huwa se jkun kostrett li ma jinkludix lid-difensur Zach Muscat minħabba li nstab pożittiv għall-Covid-19.

L-avversarji tal-lum, Liechtenstein, jinsabu fi Grupp D2 tal-UEFA Nations League flimkien ma’ Ġibiltá u San Marino.  S’issa huma kisbu erba’ punti minn tliet logħbiet u jinsabu biss żewġ punti bogħod minn Ġibiltá li qegħdin fl-ewwel post.

It-team huwa mmexxi minn Helgi Kolvidsson, coach Islandiż ta’ 49 sena li lagħab 29 darba mat-team nazzjonali ta’ pajjiżu. L-iktar player rappreżentattiv huwa l-player ta’ nofs il-ground u captain, Martin Buchel, li jilgħab fl-Isvizzera ma’ Red Star Zurich, b’total ta’ 85 partiti.   

Dan se jkun il-ħames konfront bejn Malta u Liechtenstein fejn għadna mingħajr telfa. Bla dubju, li waħda minn dawn il-partiti, dik tas-26 ta’ Marzu, 2008, tibqa’ speċjali għal Michael Mifsud meta skorja xejn inqas minn ħames goals fir-rebħa ta’ 7-1.

Intant, f’konferenza stampa li saret b’mod virtwali fis-sala tal-konferenzi tal-Istadium Nazzjonali,  l-assistant coaches tat-team naz­zjonali Malti, Guillermo Giacomazzi u Davide Mazzotta, insistew fuq l-impenn li għandhom jagħmlu l-players tagħna.

Minkejja li hija logħba ta’ ħbiberija, xorta waħda hemm il-prestiġju involut kif ukoll li għandhom iħarsu lejn riżultat pożittiv.

Mazzotta u Giacomazzi kienu qed jitkel­lmu f’din il-konferenza tal-aħbarijiet fin-nuqqas tal-coach Mangia. Minkejja dan in-nuqqas, iż-żewġ assistenti kienu qed jik­kommunikaw il-ħin kollu ma’ Mangia permezz tat-telefon ċellulari biex jispjega sew it-tattiċi tiegħu.

Kien hawnhekk li  Mazzotta u Giacomazzi xtaqu jirringrazzjaw lill-istaff kollu tal-MFA kif ukoll lit-tmexxija li kienu magħhom f’dan iż-żmien partikolari meta ġejjin konfronti ferm importanti. Huma qalu li ħadd ma ħallihom waħedhom fejn inħass sew l-ispirtu ta’ kollettivitá fost il-grupp Malti.

Huma tennew li bħalissa qed jevalwaw diversi players li jistgħu jiġu promossi fit-team nazzjonali u ddeskrivew dan iż-żmien bħala triq twila sabiex jaslu lejn id-destinazzjoni mixtieqa. 

F’din il-konferenza stampa saret referenza għal Michael Mifsud fejn se jsellem lit-team nazzjonali b’rekord ta’ 143 partita.

Huma xtaqu jirringrazzjawh għall-kontribut tiegħu lit-team nazzjonali u proprju llum se jippruvaw jgħinuh biex din l-aħħar partita tintemm b’rebħa.

Fil-fatt, tkellem ukoll l-istess Michael Mifsud fejn qal li se tkun emozzjoni kbira għalih li se jkun qed jilbes il-flokk aħmar ta’ Malta għall-aħħar darba.

Huwa rrimarka li issa qed jikber u għalhekk kien qed jipprepara għal dan il-mument li wara kollox jasal għal kulħadd.  Huwa tenna li kull meta libes dan il-flokk dejjem ta l-massimu tiegħu għalkemm irrimarka li ma kinetx prijoritá li bilfors ried isib ix-xibka avversarja għax dejjem ġab lit-team qabel il-glorja personali.

Hu rrefera għal din il-karriera sabiħa ta’ 20 sena li qatta’ mat-team nazzjonali u aċċenna li l-logħba li rbaħna kontra l-Armenja barra minn darna bħala l-iktar waħda li tibqa’ memorabbli għalih. 

Il-logħba se tintlagħab fl-Istadium Naz­zjonali, f’Ta’ Qali, wara x-xogħol estensiv li sar sabiex jitkabbar it-turf il-ġdid. Din il- logħba se tintlagħab bil-bibien magħluqa u se tintwera diretta fuq TVM2, fis-6.00 pm.

Share With: