Imniedi investiment privat ta’ €25 miljun fis-settur tal-kura tal-anzjani li se joħloq 100 post tax-xogħol ġdid

“Inkompli nimtela bil-kuraġġ u bil-fiduċja meta nara s-settur privat, daqshekk reżiljenti u ambizzjuż li jkompli jinvesti biex joħloq ix-xogħol” – il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela attendew għat-tnedija ta’ investiment privat ta’ €25 miljun fis-settur tal-kura tal-anzjani li mistenni joħloq mal-100 impjieg ġdid.

Id-diretturi tal-kumpanija Villa Anna Teresa Holdings Limited, li tagħmel parti minn Arrigo Group of Hotels Limited, ħabbru dan l-investiment fiċ-ċentru ta’ San Ġiljan fejn ġie mfassal madwar politika li tpoġġi l-persuna u d-dinjità tagħha fiċ-ċentru ta’ dak kollu li jagħmlu.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan l-investiment min-negozju tal-familja Arrigo Group of Hotels għandu tifsira importanti ħafna għal dan il-Gvern li jemmen fis-settur privat, fil-bżulija tal-ħaddiema tagħna, fix-xogħol u fuq kollox fis-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Qal li fost l-isfidi li d-dinja se tħabbat wiċċha magħhom fid-deċenji li ġejjin hemm il-fatt li l-pajjiżi kollha se jesperjenzaw numri u persentaġġi ta’ anzjanità bla preċedent. Qal li dan il-proġett se jkun pilastru ewlieni kif l-anzjani Maltin, irrispettivament mil-livell ta’ saħħa li jgawdu, ħa jkunu jistgħu jgħixu ħajja attiva u pożittiva.

Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern irid li n-negozji tal-familji Maltin jibqgħu mixjin ‘il quddiem minn ġenerazzjoni għal oħra u għalhekk li fil-budget għas-sena d-dieħla l-Gvern ħabbar li se jestendi l-estensjoni ta’ tnaqqis fir-rata tal-boll dovuta lill-gvern għat-trasferiment tan-negozju. Miżura li fl-aħħar tliet snin diġà ffrankat mat-€23 miljun lin-negozji.

Dr Abela semma wkoll l-impenn tal-Gvern fil-qasam tal-anzjani u l-isfida li kulma jmur qed iżżid id-domanda għal servizzi residenzjali minn anzjani li jkunu jeħtieġu kura fit-tul. Qal li wara n-nefqa rekord li għamel il-Gvern din is-sena fil-qasam tal-anzjani b’nefqa ta’ madwar €165 miljun, is-sena d-dieħla, il-Gvern se jinvesti rekord ta’ €199 miljun, b’€45 miljun minnhom allokati għal xiri ta’ sodod għall-anzjani fi djar residenzjali fil-privat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Villa Anna Teresa Brian St John qal li d-deċiżjoni riċenti mill-Prim Ministru li s-settur tal-anzjani jiġi elevat għall-ministeru hija deċiżjoni għaqlija u li bla dubju se tkompli tgħin sabiex dan is-settur jibqa’ miexi ‘l quddiem.

“Dan huwa proġett li qiegħed isir fuq inizjattiva tat-tielet ġenerazzjoni ta’ negozju tal-familja; jiġifieri t-tfal tat-tfal. Għaldaqstant, huwa l-ewwel proġett maġġuri tal-grupp li huma responsabbli għalih it-tfal. Il-Gvern qiegħed jaħdem b’għaqal u għandu jkompli jinkoraġġixxi u joffri inċentivi sabiex negozju tal-familja jkun aktar faċli u inqas burokrattiku li jgħaddi għand it-tfal”, qal is-Sur St John.

Villa Anna Teresa ser tospita 116-il sodda residenzjali u l-Grupp Villa Anna Teresa se jkun qed joffri numru ta’ servizzi fosthom ta’ Care-At-Home. Mal-ftuħ se jiġu offruti servizzi ta’ għixien indipendenti u assistit; ċentru għal matul il-jum għal persuni li għandhom xi tip ta’ dimensja, u servizzi ta’ respite. Ser toffri wkoll servizzi ta’ memory clinics u se jitnieda hub tal-psikoterapija tal-arti – fejn il-kreattività se tgħin persuni, li per eżempju, jsibuha diffiċli li jikkomunikaw b’mod verbali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp temm jgħid li s-servizzi ta’ Villa Anna Teresa se jsegwu prattika internazzjonali filwaqt li jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex l-istandards nazzjonali fis-settur tal-kura tal-anzjani jkompli jissaħħaħ.

Preżenti għat-tnedija ta’ dan l-investiment kien hemm ukol il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.

Share With: