Infrastructure Malta tiftaħ il-pont ġdid għall-mixi u r-roti f’Kordin

Infrastructure Malta fetħet il-pont ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Kordin u l-Kampus tal-MCAST mal-qalba ta’ Raħal Ġdid. 

B’tul ta’ 25 metru, il-Pont tal-Għaqda jaqsam minn fuq Triq Dom Mintoff, li qabel kienet magħrufa bħala t-Telgħa ta’ Kordin. Din l-istruttura qed tgħaqqad mill-ġdid lill-familji li jgħixu fiż-żona residenzjali ta’ Kordin mal-parti ċentrali ta’ Raħal Ġdid. Mingħajr dan il-pont ta’ €1.6 miljun, dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozza tal-linja jew bir-rota kien ikollhom jaqsmu minn toroq arterjali u jimxu fuq bankini dojoq b’aċċess limitat, f’toroq traffikużi, biex jaslu f’dawn l-inħawi.

Il-pont ġdid jipprovdi wkoll rotta eħfef u aktar sigura għall-eluf ta’ studenti li jimxu, jsuqu r-rota jew jużaw it-trasport pubbliku biex imorru l-Kulleġġ Malti tal-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) u l-Iskola Mariam Al Batool li tinsab ftit ‘il fuq fit-telgħa. Il-pont se jtejjeb ukoll l-aċċess għaż-Żona Industrijali ta’ Kordin kif ukoll għall-moskea u l-knisja li hemm fl-inħawi. 

Ir-rampa li twassal għall-pont fuq in-naħa ta’ Kordin saret fuq art mittiefsa li ma kinitx tintuża, bejn Triq Dom Mintoff u Triq Kordin, quddiem il-Kampus tal-MCAST. Il-pont jaqsam minn fuq it-triq għal ġo Ġnien il-Mediterran li qiegħed elevat diversi metri ‘l fuq fl-istess inħawi.

It-tim tal-ippjanar ta’ Infrastructure Malta ddisinja l-gverta tal-pont wiesgħa 3.5 metri u r-rampi li jwasslu għaliha b’mod li joffru aċċess komdu lil kulħadd. Fuq in-naħa ta’ Kordin hemm ukoll lift għal fuq il-pont. Bħala parti minn dan il-proġett, Infrastructure Malta għamlet ukoll passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti fl-inħawi ta’ Ġnien il-Mediterran. Dan il-passaġġ jgħaqqad il-pont mal-waqfiet eżistenti għall-karozzi tal-linja fit-Telgħa ta’ Raħal Ġdid, it-triq li twassal għaċ-ċentru ta’ din il-lokalità. Kemm il-pont kif ukoll il-passaġġ ġdid se jkunu attrezzati b’sistema ta’ CCTV cameras u bid-dwal għal aktar sigurtà u sigurezza fl-ivvjaġġar. 

Aktar kmieni din is-sena l-kuntratturi tal-proġett bdew jibnu l-istrutturi tal-pont u r-rampi li jwasslu għalih fuq il-ħitan għoljin li hemm mal-ġnub tat-triq, waqt li tim ta’ ħaddieda ħadmu l-istruttura tal-azzar f’fabbrika l-Italja. Fis-sajf il-kuntratturi ġarrew din l-istruttura ta’ 16-il tunnellata lejn Triq Dom Mintoff u tellgħuha f’postha. Imbagħad lestew l-aħħar xogħlijiet, fosthom sistemi elettriċi, poġġamani u apparat ieħor għal aktar sigurezza u aċċess komdu. Tul il-passaġġi li jwasslu għall-pont Infrastructure Malta ħawlet 151 siġra indiġena u 65 arbuxell. 

Dan il-proġett ta’ €1.6 miljun huwa t-tielet pont li l-aġenzija għamlet fl-2020 fin-netwerk tat-toroq Maltin għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozza tal-linja jew bir-rota. F’Ġunju fetħet struttura simili fi Vjal l-Avjazzjoni, Ħal Luqa u xahar wara fetħet pont ieħor fi Triq San Ġorġ Preca, Blata l-Bajda. Tliet pontijiet oħrajn simili se jitlestew dalwaqt bħala parti mill-Marsa Junction Project u investimenti oħrajn li qegħdin isiru. 

Infrastructure Malta hija impenjata li tkompli tinvesti f’infrastuttura aktar sigura biex tħajjar iżjed persuni jivvjaġġaw bil-mixi, bil-karozzi u l-laneċ tat-trasport pubbliku, bir-rota jew b’mezzi oħrajn alternattivi u aktar sostenibbli. 

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, info.im@infrastructuremalta.com jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.

Share With: