Investigazzjoni dwar il-like “tal-Papa” lil Natalia Garibotto

Il-Vatikan beda investigazzjoni wara li l-Instagram uffiċjali tal-Papa Franġisku ħalla “like” taħt ritratt ta’ mudella Brażiljana li ftit li xejn kienet liebsa ħwejjeġ. 

Għadu mhux magħruf eżett meta dan il-kont għamel “like” taħt ir-ritratt ta’ Natalia Garibotto, li f’dan ir-ritratt partikolari kienet liebsa uniformi tal-iskola provokanti. 

L-aġenziji tal-aħbarijiet kienu nnotaw dan l-ewwel darba ġimgħa ilu u ftit wara li din l-aħbar ħarġet, din il-like tneħħiet. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-uffiċjali tal-Vatikan bdew investigazzjoni biex ikun magħruf kif dan kollu seta’ seħħ fuq il-kont tal-Papa nnifsu. 

Il-kont uffiċjali tal-Papa, li qiegħed taħt l-isemta ’franciscus, huwa segwit minn 7.4 miljun persuna. Sorsi qrib il-Vatikan li tkellmu ma’ midja internazzjonali qalu li dan il-kont huwa operat minn grupp ta’ ħaddiema u minħabba f’hekk bdiet investigazzjoni interna. 

Min-naħa tagħha, Garibotto – li hija wkoll popolari fuq is-sit Twitch li huwa użat minn persuni li jilagħbu logħob diġitali – rat dan kollu mil-lat umoristiku tiegħu u fi tweet hija qalet, “tal-inqas se mmur il- ġenna”. 

Share With: