Investiment ta’ €2 miljuni b’fondi Ewropej f’ċentru ġdid fil-komunità tal-CARITAS

 Caritas Malta kisbet €2 miljuni mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bl-għajnuna tal-MEUSAC biex setgħet titrasforma binja eżistenti f’ċentru fil-komunità għall-integrazzjoni ta’ persuni vulnerabbli u biex issaħħaħ is-servizzi mhux residenzjali tagħha. Permezz ta’ dan il-proġett fil-komunità, Caritas tkun tista’ tkompli tagħti s-servizzi tagħha b’mod iktar ċentralizzat, effiċjenti u effettiv. B’hekk tkun qiegħda ssaħħaħ is-servizzi tagħha favur persuni vulnerabbli u f’riskju ta’ esklużjoni.

Il-proġett, li għadu fi stadju ta’ implimentazzjoni, ġie ppreżentat mid-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt u l-mexxej tal-proġett, il-President Emeritus Dr George Abela, fil-preżenza tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, il-Kap tal-MEUSAC Mandy Falzon u d-Direttur għall-Fondi tal-UE Dr Darren Grasso.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li dan il-proġett tal-Caritas juri fil-prattika l-ħidma b’suċċess bejn il-gvern u l-NGOs. Appella lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex bħal Caritas, jersqu lejn l-aġenzija MEUSAC b’ideat għal proġetti, għaliex hawn ser isibu l-assistenza ta’ nies professjonali, fil-mili tal-applikazzjonijiet għal fondi Ewropej. Innota li b’dan il-proġett, il-gvern irid iwassal il-messaġġ lis-soċjetà inġenerali sabiex nifhmu l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor u nagħtu t-tieni ċans lil dawk f’riskju ta’ esklużjoni soċjali b’mod partikolari dawk li jmissu mad-droga. Qal li dan il-proġett huwa f’linja mal-mira tan-Nazzjonijiet Magħquda 2030 tal-Iżvilupp Sostenibbli bl-għan li jinqered il-faqar.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li b’investiment ta’ €2 miljuni b’fondi Ewropej, il-Fondazzjoni Caritas Malta se tkompli ttejjeb is-servizzi attwali filwaqt li se jiġu introdotti servizzi ġodda. Dr Zrinzo Azzopardi spjega li binja mitluqa se tiġi riġenerata, biex permezz tagħha l-Caritas ikomplu jindirizzaw direttament il-bżonnijiet ta’ individwi li jbatu minn xi tip ta’ abbuż jew li qegħdin f’riskju ta’esklużjoni soċjali. Qal li f’din il-binja se jiġu provduti servizzi għal dawk li mhux residenti biex jiġu riabilitati fil-komunità u jsibu s-sapport li għandhom bżonn. Dr Zrinzo Azzopardi kkonkluda li permezz ta’ dan il-proġett, il-fondi Ewropej qed imorru dirett għand in-nies.

Huwa mistenni li madwar 600 persuna vulnerabbli se jkollhom aċċess kemm għas-servizzi li diġà qed jiġu offruti kif ukoll għas-servizzi ġodda f’dan iċ-ċentru.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima semma li proġetti bħal dawn iservu bħala punt ta’ referenza għall-bqija tas-soċjetà Maltija. Huwa tenna li l-Caritas qed tagħmel xogħol imprezzabbli minħabba li tinkorpora l-iskop wara kull għaqda volontarja – l-iskop pubbliku u li tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Qal li dan il-proġett qed juri bil-fatti li l-volontarjat għandu rwol importanti u li qed jagħmel bidla fil-ħajja tan-nies.

Id-Direttur tal-CARITAS Malta Anthony Gatt żied li, “Dan iċ-ċentru fil-fomunità ta’ Caritas Malta sar biex nirrispondu dejjem iktar u aħjar għall-esiġenzi tal-bżonnijiet soċjali ta’ pajjiżna llum. Dan iċ-ċentru se jiġbor is-servizzi kollha ta’ outpatient ta’ Caritas taħt saqaf wieħed; b’mod li l-ewwel 2 livelli se jkunu dedikati għal familji fil-bżonn u għal individwi bi problemi soċjali varji li jircievu għajnuna individwali jew fi gruppi. Il-binja se jkun hemm ibbażat it-tim li jaħdem fuq il-prevenzjoni kif ukoll l-amministrazzjoni u hub għall-voluntiera; iċ-ċentru se jkollu amenities bħal sala, penthouse u spazji oħra li jkunu jistgħu jintużaw ukoll mill-komunità”.

Mandy Falzon minn MEUSAC qalet li entitajiet volontarji bħal Caritas jistgħu javviċinaw lil MEUSAC għal informazzjoni u għal assistenza biex japplikaw għal fondi Ewropej.

Share With: