Ir-raġel armat li nhar il-Ħadd li għadda kien arrestat wara sigħat twal ta’ negozjati mal-Pulizija mixli bi 11-il akkuża differenti

Raġel li kien arrestat wara sitt sigħat ta’ negozjati mal-Pulizija nhar il-Ħadd li għadda kien mixli b’numru ta’ akkużi, fosthom li hedded lil uffiċjali tal-Pulizija b’arma tan-nar, li kellu fil-pussess tiegħu armi mingħajr liċenzja tal-Pulizija, u b’moħqrija ta’ annimali.

Il-każ seħħ nhar il-Ħadd filgħaxija meta r-raġel, ta’ 38 sena, issakkar fl-appartament tiegħu fil-Pietà flimkien ma’ klieb imħarrġa għall-ġlied. Il-Pulizija ssejħu fuq il-post, fi Triq Qrejten, wara li allegatament ir-raġel beda jhedded lil xi persuni bi skieken u anke għamel ħsara fuq vetturi privati.

Meta l-Pulizija ħabbtu fuq il-bieb tar-residenza tiegħu, ir-raġel allegatament wera lill-uffiċjali sikkina kbira u pponta arma tan-nar fid-direzzjoni tagħhom u hedded li jispara.

Fl-appartament ir-raġel kellu tlett iklieb imħarrġa għall-ġlied.

Uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit u mill-iSpecial Intervention Unit iċċirkondaw il-binja u ppruvaw jinnegozjaw mar-raġel. Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà kien ukoll fuq il-post.

Il-Pulizija ħadu l-kontroll tas-sitwazzjoni għall-ħabta tas-2.00 a.m. meta sparaw flashbangs bil-għan li jiddiżorjentaw is-suspettat.

Kien hawn li l-pulizija sgassaw il-bieb tal-appartament tiegħu u daħlu ġewwa. Il-Pulizija kienu kostretti jisprataw żewġ tiri lil wieħed mill-klieb tar-raġel wara li attakka lil uffiċjal tal-Pulizija.

Waqt l-arrest is-Serb instab fuq is-sodda u fidejh kellu senter u pistola kkargata. Minn tfittxija li saret fir-residenza nstabu mijiet ta’ skrataċ, għaxar oġġetti oħrajn bejn skieken u xwabel kif ukoll armi bil-ponta magħmulin mill-injam.

Aktar tard żewġt iklieb oħrajn li wkoll kienu perikolużi ttieħdu minn fuq il-post mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali. Fuq il-post kien hemm tim mediku tal-Emerġenza mill-Isptar Mater Dei f’każ ta’ bżonn, iżda b’xorti tajba ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

Intant illum quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, ir-raġel kien mixli bi 11-il akkuża differenti, fosthom li rrenda ruħu reċidiv.

Il-Qorti ordnat li r-raġel jingħata assistenza medika u psikoloġika, u qed jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli.

Il-Prosekuzzjoni tmexiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Shawn Pawney u Jonathan Ransley.

Share With: