Ir-rati tal-VAT

Minn Alfred Sant

Fi żminijiet ta’ inċertezza ekonomika, id-dibattiti dwar taxxi u mhux taxxi isiru aktar intensi. Speċjalment it-taxxi fuq il-konsum u l-produzzjoni.

Meta l-azjendi u l-familji jkunu qed iġarrbu kriżi fid-dħul tagħhom il-piżijiet tat-taxxi kurrenti fil-ħajja ta’ kuljum iqagħbruhom sew.

Fuq quddiem nett f’dil-ħaġa tiġi t-taxxa tal-VAT. Għalkemm għadek issib ħafna skartar dwarha, għal firxa wiesgħa ta’ transazzjonijiet m’għadux possibbli tevitaha.

Sa issa f’Malta l-aktar li reġgħu gergru dwarha kienu azjendi żgħar. Wieħed jifhem li qagħbrithom għax naqqsitilhom il-bejgħ u għax spiċċaw f’qagħda fejn joħorġu l-flus biex iħallsuha fuq prodotti u xogħol tagħhom li għadu bla dħul.

Ir-regoli Ewropej ipoġġu limitu fuq kemm ir-rati tal-VAT jistgħu jitbaxxew fil-pajjiżi membri. Biss sarx iż-żmien fejn ir-rati tal-VAT jiġu varjati skont it-tip ta’ klima ekonomika li jġarrab pajjiż…? u fi żmien ta’ għawġ, ir-rati jitbaxxew kważi awtomatikament…?

***

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-ambjent

Il-Green Deal bħala sforz qawwi u kordinat fuq ħafna fronti sar pern tal-ħidma tal-Unjoni Ewropea, l-aktar biex jilqa’ kontra l-bidla fil-klima dinjija. B’hekk, kull miżura li tittieħed fl-Unjoni trid b’xi mod jew ieħor tirrifletti l-eżiġenzi tal-Green Deal.

Il-Bank Ċentrali Ewropew ukoll daħal f’din il-lanja. Maż-żmien irranġa biex fil-politika monetarja li jsegwi, jdaħħal kriterji li jirriflettu l-ħteġiet “ħodor”. Għall-bidu ma tantx tħassibt dwar hekk. Qiest li elementi konservattivi li fissru d-dwejjaq tagħhom, kienu qed jesaġeraw.

Illum m’inix daqstant żgur. Il-BĊE bħall-banek ċentrali nazzjonali tal-Ewropa hu mitqies bħala istituzzjoni li trid titħalla titmexxa b’mod tekniku minn nies appuntati biex ikunu indipendenti u tekniċi f’ħidmiethom, l-aktar ħalli jikkontrollaw l-għoli tal-ħajja.

Imma issa jekk dan l-apparat “tekniku” u “indipendenti” qed jingħata poteri fl-oqsma ambjentali (u forsi oħrajn wara), mhux qed jippenetra f’oqsma li f’demokrazija, jitqiesu bħala ż-żona tal-politika?

***

Investimenti

Hemm l-investimenti li jsiru minn kumpaniji kbar, u oħrajn li jsiru minn ċittadini sempliċi xewqana biex mill-fondi li jkunu faddlu, jagħmlu xi dħul li bih jistgħu jgħixu aħjar.

  Ħafna pensjonanti sabu li t-tfaddil tagħhom, miżmum f’depożiti bankarji, ma tantx baqa’ jħallilhom dħul ekstra, għax l-imgħaxijiet sfrondaw fl-aħħar snin. Daru biex jinvestu fl-ishma. Il-problema hawn kienet u għadha kemm l-investimenti li jsiru b’dal-mod, huma affidabbli u ma jwasslux lil min jagħmilhom f’telf estrem.

Fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar snin, ġew żviluppati miżuri ta’ ħarsien tal-investitur pjuttost serji. Issa, bil-kriżi tal-Covid 19, żdiedet il-ħtieġa li l-investimenti jirrankaw ħalli l-impriżi ma jogħtrux. Veru li dil-ħtieġa teżisti bil-qawwi, imma jeżistu wkoll il-perikli li l-investimenti jispiċċaw duħħan. Il-ħarsien tal-investituri ż-żgħar m’għandux jillaxka.

Share With: