“Isimgħuni! Dan hu dak li jaf jesperjenzaw il-ommijietkom, missirijietkom jew uliedkom fl-aħħar nifsijiet”

Tabib fl-Istati Uniti b’filmat kommoventi b’rabta mal-pandemija

“Jekk jogħġobkom isimgħuni!” Din hija l-karba ta’ tabib fl-Istati Uniti li jaħdem fit-taqsima tal-kura intensiva u li qiegħed ixerred filmat ta’ dak li jesperjenzaw fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom pazjenti infettati bil-Covid-19.

Fil-filmat imxandar fuq il-midja soċjali Dr Ken Remy jidher iressaq ripetutament l-kamera lejh u lura b’tali mod li joħloq viżjoni mċajpra li skontu hija x-xena li kapaċi jesperjenzaw “ommijietkom, missirijietkom jew uliedkom meta jiġu attakkati serjament bil-virus”.

F’kummenti li ta lil CNN huwa qal li jaħdem f’St Louis f’Missouri u li s’issa kellu jgħin ’il fuq minn 1,000 pazjent u kellu jassisti lil aktar minn 100 minnhom bl-applikazzjoni ta’ pajp tan-nifs artifiċjali minħabba problemi respiratorji serji li jagħmluha diffiċli biex il-pazjent jieħu n-nifs neċessarju biex jgħix.

Huwa jtemm jgħid “Din hija xi ħaġa serja, nitlobkom tipprattikaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni biex nnaqqsu r-riskju ta’ trasmissjoni tal-virus u nipproteġu lil xulxin”.

Share With: