“Jagħlqu kullimkien, imma żgur mhux l-iskejjel”

F’Malta, bħal f’pajjiżi oħra, l-iskejjel baqgħu miftuħa… Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici, jgħidilna għaliex

Minn Carmen Cachia

Inewsmalta talab reazzjoni mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, fejn qal li mhux ta’ b’xejn li barra minn pajjiżna qegħdin jużaw il-prinċipju li l-iskejjel huma l-aħħar ħaga li tagħlaq u dan qiegħed iseħħ f’diversi pajjiżi ikbar minn Malta u li għandhom tradizzjoni ta’ edukazzjoni li storikament hija antika iktar minn tagħna.  Qegħdin jagħlqu kullimkien, imma żgur mhux l-iskejjel għax dak li t-tfal jitilfu ma jiġix lura. Iż-żmien jgħaddi u dak li jkun intilef, jintilef.

“Ir-riċerka kollha turi li l-istudenti u t-tfal jitilfu ħafna meta l-edukazzjoni ma tkunx fil-klassi, partikolarment f’dawk l-etajiet. Żgur li ma nistgħux nimmaġinaw lil uliedna jagħmlu xhur sħaħ imsakkrin wara xi kompjuter sakemm tinstab it-tilqima. Post it-tfal huwa fl-iskola għax l-iskola hija post fejn it-tfal jitgħallmu u jieħdu gost ukoll,” spjega Bonnici.

Fl-iskejjel it-tfal jitgħallmu mhux it-taghlim imma jitgħallmu s-social skills meħtieġa biex isiru, għada pitgħada, adult tajbin u ppreparati għall-isfidi tad-dinja ta’ għada.

Kien hemm xi pajjiżi barra minn Malta, uħud minnhom li aħna midħla taghhom, li fetħu l-iskejjel imma wara ftit kellhom jerġgħu jagħlqu xi wħud minnhom jekk mhux kollha. F’Malta ma sarx hekk.  Fit-28 ta’ Settembru fetħu l-iskejjel għall-edukaturi tagħna, fis-7 t’Ottubru bdew jidħlu l-istudenti u wara iktar minn xahar, l-iskejjel baqgħu miftuħa.

Serjetà, dixxiplina u investiment

Il-Ministru tal-Edukazzjoni qal li dan ġara għax hemm is-serjetà u d-dixxiplina kemm fejn jidħlu protokolli li ġew anke diskussi mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ aktar minn 50 miżura li qegħdin jiġu obduti.

Fis-sajf li għadda l-edukaturi u l-ħaddiema kollha ħadmu kemm felħu u baqgħu għaddejjin biex l-iskejjel jiftħu u biex jibqgħu miftuha.  Biex Malta fetħet l-iskejjel, din is-sena ġew allokati mas-€25 miljun u diġà ġew allokati €11-il miljun oħra għas-sena d-dieħla għal spejjeż ta’ natura rikorrenti.  Dawn jinkludu investimenti ġodda fejn jidħlu servizzi ta’ sigurtà fl-iskejjel, iktar servizzi ta’ ndafa, xiri ta’ prodotti meħtiega għall-ħarsien tal-impjegati, lezzjonijiet pre-rekordjati online u oħrajn.

L-attendenza qiegħda tkun fil-livelli ta’ tliet kwarti tal-ammont sħiħ tal-istudenti. Dan ifisser li waqt li normalment jattendu l-iskola 90% tal-istudenti, din is-sena qegħdin jattendu mas-75%.  Għexieren ta’ eluf ta’ studenti jmorru l-iskola kuljum. Mal-11,000 edukatur ieħor jattendu fl-iskejjel kollha ta’ kuljum.  Għalhekk fuq total ta’ bejn 35,000 u 45,000 ruħ li jmorru fl-iskejjel ta’ kuljum.

Ma jista’ qatt jigi eskluż li ma jkunx hemm każijiet singoli ta’ COVID-19 f’xi edukaturi jew f’xi studenti meta wieħed iqis li l-virus qiegħed fil-kommunità.  Madanakollu, skont ma jingħad mill-Professur Charmaine Gauci u l-esperti tas-saħħa, jidher ċar li s-serjetà li biha qegħdin jiġu obduti l-miżuri fl-iskejjel qiegħed tħalli l-frott.

L-edukaturi huma mitluba biex ta’ kuljum, bħall-ewwel jum, isegwu dak li talbu l-awtoritajiet tas-saħħa għall-ġid tat-tfal. Il-Gvern Malti huwa kommess u jrid li anke fiż-żmien tal-pandemija, l-edukazzjoni f’pajjiżna tkompli fil-klassijiet għax jemmen li huwa dover tiegħu li l-istudenti jingħataw edukazzjoni xierqa u bl-aħjar mod possibbli.

Share With: