Jammetti li ffalsifika ċekkijiet

Raġel ta’ 60 sena kien illiberat b’kundizzjoni wara li ammetta li iffalsifika ċekkijiet.

Robert Azzopardi ammetta li bejn Ottubru 2001 u Jannar 2002 iffalsifika ċekkijiet tal-HSBC proprjetà tal-kumpanija C.R. Limited u li għamel qligħ b’qera ta’ aktar minn €2,562 b’dannu għal Mario Cini.

Il-Maġistrat Gabriella Vella ħadet konsiderazzjoni taż-żmien li għadda minn dan ir-reat u li matulu ma reġax xellef diffrejh mal-ġustizzja kif ukoll li m’għandux abbuż minn sustanzi, alkoħol jew logħob.

Kien għalhekk li illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn.

Il-każ kien investigat mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla li mexxa l-prosekuzzjoni.

Share With: