Jammettu li qaċċtu ras ta’ statwa u żammewha għandhom

Żewġ żgħażagħ, wieħed Awstraljan u l-ieħor Franċiż, kienu lliberati bil-kundizzjoni li ma jwettqux reat ieħor fi żmien tliet snin wara li nstabu ħatja li qaċċtu ras ta’ statwa u żammewha għandhom. 

Michael Olaf Zandstra u Hugo Sacha Christian Boutroue kienu akkużati li fis-6 ta’ Ottubru li għadda, irċevew proprjetà kulturali li kienu jafu li tneħħiet illegalment waqt li Boutroue waħdu kien mixli li kkaġuna ħsara.

L-Ispettur Saviour Baldacchino, li investiga l-każ, kien spjega fil-Qorti kif il-Pulizija kienu saru jaf bl-att vandalu li sar fuq l-istatwa ta’ Sant’Antnin li hemm fil-Park tal-Familja ta’ Wied il-Għajn minn fuq il-mezzi tax-xandir.

Meta bdew jinvestigaw, indunaw min kienu dawk li kissru l-istatwa u waqt li Zandstra kellu għandu r-ras tal-istatwa, rriżultalhom li kien Boutroue li għamel il-marki fuq l-istess ras. 

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, semgħet lill-imputati jammettu l-akkużi miġjuba kontra tagħhom u li kienu ħallsu s-somma ta’ €150 fi ħsara li kienet saret fuq l-istatwa.

Kien għal dawn ir-raġunijiet, li waqt li sabithom ħatja, illiberathom bil-kundizzjoni li ma jwettqu reat ieħor fi żmien tliet snin. 

Share With: