Jason Azzopardi jikkonferma li kellu kamra f’lukanda mħallsa minn Tumas Group

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kkonferma li huwa qatta’ ħamest ijiem fil-Hilton f’Tel Aviv u li kellu kollox imħallas mill-familja Fenech.

Huwa kien qed jirreaġixxi wara li ġurnal lokali rrapporta li bejn id-19 u l-24 ta’ Lulju tal-2017 huwa mar ġewwa l-Hilton ta’ Tel Aviv u l-kamra ġiet imħallsa minn Tumas Group, li huwa l-grupp ta’ Yorgen Fenech.

B’reazzjoni għal dan, Azzopardi qal li f’Lulju 2017 huwa kellem lil Ray Fenech, iz-ziju ta’ Yorgen Fenech li huwa s-suspettat mandant fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u staqsieh jekk setax jgħinu jsib Lukanda f’Tel Aviv għax ma seta’ jsib imkien u kellu tieġ hemmhekk. Azzopardi qal li kien biss meta mar jagħmel check out li r-receptionist qaltlu li kienet imħallsa. “Ċempiltlu jew bgħattlu messaġġ biex ngħidlu li jien din ma stennejthiex pero li appena nasal Malta kont se nirringrazzjah. Niftakar li kif wasalt, xtrajtlu rigal minn ħanut tal-fidda u mort bih ir-reception tal-uffiċju tiegħu f’Portomaso u ħallejtulu fir-reception b’nota ta’ ringrazzjament biex ma jkolli ebda obbligazzjoni,” kiteb Azzopardi fuq il-paġna tal-midja soċjali tiegħu.

“Tant kemm m’għandi ebda obbligazzjoni li naħseb huwa fatt pubbliku li fix-xogħol tiegħi ħadtha qatta bla ħabel kontra l-korruzzjoni u agħar ta’ Yorgen Fenech,” żied jgħid Azzopardi.

Intant, fi programm fuq l-istazzjon nazzjonali (Xtra) nhar il-Ħamis li għadda, mistoqsi jekk qatt ħa xi ħaġa mingħand is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Azzopardi qal li ma jiftakarx jekk qatt ħax xi ħaġa. Fl-aħħar jiem, Azzopardi kien ikkritika lill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri talli kien aċċetta safra ma’ Yorgen Fenech biex imur Las Vegas, liema safra seħħet f’Mejju tal-2018, sitt xhur qabel l-aħbar ta’ 17 Black.

Share With: