Jason Azzopardi: “Messni insistejt li nħallas il-kont kollu u mhux biss it-taxxi u spejjeż żejda”

“Messni insistejt li nħallas il-kont kollu u mhux biss it-taxxi u spejjeż żejda.” Hekk qal Jason Azzopardi f’kumment fuq il-midja soċjali b’referenza għall-jiem li qatta’ fil-lukanda Hilton f’Tel Aviv, li kienet imħallsa mill-familja Fenech.

Azzopardi, li ssospenda ruħu mill-grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u anke talab li dan il-każ jiġi investigat, qal li “f’dak il-mument partikolarment diffiċli fil-ħajja privata tiegħu ħassejt li nkun pastaż li kienu rrifjutajt l-offerta tas-Sur Ray Fenech”. Żied jgħid li l-għoti ta’ rigal tal-fidda lil Fenech kien ifisser sinjal ċar li min-naħa tiegħu ma kien hemm l-ebda obbligu.

Azzopardi emfasizza li f’Marzu tal-2017, meta huwa kien qatta’ l-jiem fil-lukanda f’Tel Aviv, il-Grupp Tumas ma kellu l-ebda interess dirett f’leġiżlazzjoni li kienet quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti.

Żied jgħid li qatt kemm kien ilu deputat fil-Kabinett, jew f’mument ieħor, ma ntalab pjaċir minn Ray Fenech.

Tenna li sa dak iż-żmien kien magħruf pubblikament mill-2013 li huwa kien wieħed mill-aktar persuni li oppona l-ftehim tal-Electrogas, li fiha il-Grupp Tumas huma shareholders.

Fil-kumment li ppubblika fuq il-midja soċjali Azzopardi jżid jgħid li mingħajr dubju sal-lum il-ġurnata jibqa’ wieħed mill-politiċi li b’mod voċiferu jikkundanna “l-ftehim korrott tal-Electrogas”, u li jum wara l-ieħor ipoġġi ħajtu f’periklu minħabba l-ġlieda kostanti kontra “l-fazzjoni politika” li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Tenna li din il-klikka li qatlet lil Caruana Galizia hija l-istess waħda li qed tipprova toqtlu politikament. “Se jfallu,” żied jgħid Azzopardi.

Huwa temm jgħid li messu aġixxa b’mod differenti u talab apoloġija talli ma għamilx dan. Fl-istess waqt qal li anke l-aktar kritiċi ħorox ikollhom jammettu li l-każ ta’ Tel Aviv bl-ebda mod ma influwenza l-qadi tad-dmirijiet tiegħu bħala Deputat Parlamentari.

Share With: