Jidħol fl-aħħar fażi x-xogħol fuq is-sit ta’ housing soċjali ġdid f’Ħaż-Żebbuġ

Miktub minn Maria Azzopardi, Ritratt Alan Saliba

Ix-xogħol fuq is-sit tal-Housing soċjali ġdid ġewwa Ħaż-Żebbuġ se jkun qed jidħol fl-aħħar fażi tiegħu. B’investiment ta’ €720,000, dawn l-appartamenti, li llum huma ġebel u saqaf, se jakkomodaw tmien familji oħra.

Fi żjara li għamel fuq is-sit, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li llum l-akkomodazzjoni soċjali qed issir bi ppjanar u bil-ħsieb ukoll li l-kostruzzjoni tirrifletti wkoll l-oqsma ambjentali u l-komunità tal-madwar. Il-Ministru Galdes qal li fost l-oħrajn il-bini huwa kollu aċċessibbli. Fil-fatt €35,000 mill-investiment totali ta’ din il-binja ġewwa Ħaż-Żebbuġ huwa ddedikat biex tkun mgħammra b’lift apposta.

“Apparti l-housing soċjali li qed niżviluppaw huwa wkoll integrat kemm viżwalment u anke soċjalment fiż-żoni urbani tal-madwar. Xhieda ta’ dan huwa dan il-bini f’Ħaż-Żebbuġ,” qal il-Ministru.

Huwa żied jgħid li bħalissa għaddejin diskussjonijiet kemm mill-Awtorità tad-Djar, mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ u anke mal-Fakultà tal-Arkitettura biex jesploraw anke modi biex isebbħu l-oqsma tad-djar eżistenti permezz ta’ proġett ta’ rijabilitazzjoni.

Waqt iż-żjara l-Ministru qal li li l-lista ta’ stennija ta’ dawk li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali qiegħda fl-inqas livell u hija ta’ 2,430. Fl-2013 din il-lista kienet ta’ madwar 3,250.

Preżenti waqt iż-żjara kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay. Huwa qal li persuna jkollha dar xierqa u adekwata huwa dritt fundamentali. “Huwa l-obbligu tal-Istat li jara li għal dawk il-persuni li weħidhom ma jistax ikollhom akkomodazzjoni soċjali, huwa l-Istat fl-obbligu li jidħol u jintervjeni,” qal McKay. Huwa żied jgħid li l-Istat għandu obbligu ieħor dak li jara li l-assi tiegħu, il-proprjetà tiegħu, titqassam skont il-bżonnijiet tal-persuni.

Share With: