Jingħata l-libertà proviżorja wara li ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga ecstasy

Libjan ta’ 25 sena residenti Tas-Sliema ngħata l-libertà proviżorja wara li ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga ecstacy, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. 

Abdulrahman Mustafa Elhasuni kien mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn perimetru ta’ skola, klabb jew ċentru fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab li jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad baqa’ diversi xhieda li għad iridu jixhdu.

L-Avukati Difensuri argumentaw li l-klijent tagħhom kien arrestat fit-23 ta’ Settembru li għadda, ġie rilaxxat bil-police bail u dejjem aderixxa mar-rikjesti li sarulu mill-puliizja. Barra minn hekk, qalu li l-imputat ilu diversi snin jgħix Malta u m’hemmx biża’ li jaħrab mill-pajjiż. 

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Elhasuni taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma l-għassa kuljum, depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Grech. L-Avukati Vincent Micallef, Stephanie Abela u Jacob Portelli dehru għall-imputat.

Share With: