Jinqabad b’29 qartas kokaina … jingħata l-ħelsien mill-arrest

Kenneth Pace ta’ 31 sena minn Wied il-Għajn ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu 29 qartas suspettata droga kokaina, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Pace kien mixli wkoll li saq vettura mingħajr ma kellu liċenzja tas-sewqan u mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji għal terzi persuni kif ukoll li sar reċediv wara li wettaq reat ieħor meta kien diġa’ kkundannat għal reat b’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.

Huwa kien arrestat kmieni t-Tnejn filgħodu waqt li kien qiegħed isir kontroll tat-traffiku mill-Pulizija tad-Distrett, fi Triq Sant’Antnin, Wied il-Għajn.

Il-Pulizija kienet innotat vettura tal-għamla Suzuki li kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni tagħhom u f’mument minnhom waqfet fil-ġenb tat-triq. 

Il-Pulizija għamlu sinjal lis-sewwieq biex isuq ‘il quddiem iżda meta s-sewwieq ra lill-pulizija javviċinawh, huwa reġa’ beda jsuq bil-mod fid-direzzjoni tagħhom u twaqqaf. 

Instab illi s-sewwieq kellu l-liċenzja tiegħu revokata u b’hekk ġie ordnat biex joħroġ mill-karozza. Minn tfittxija li saret fil-vettura nstabu diversi pakketti trasparenti tal-plastik bi trab abjad fihom, x’aktarx droga kokaina. Instab ukoll ammont ta’ flus kontanti. 

Fil-Qorti, huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni sakemm jitlestew il-proċeduri.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvin Zammit. L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għal Pace. 

Share With: