“Jitla min jitla l-firda politika fl-Amerika mhijiex se tgħib”

L-ewroparlamentari Alfred Sant jgħid li f’każ ta’ rebħa għal Biden l-amministrazzjoni tiegħu jkollha relazzjoni aħjar mal-UE

Illum il-poplu Amerikan se jkun qiegħed jivvota biex jagħżel bejn Donald Trump u Joe Biden. Dan is-sit għamel kuntatt mal-Ewroparlamentari Alfred Santu tlabnih jagħtina l-opinjoni tiegħu. 

Meta mistoqsi dwar il-bidliet li jista’ jkun hemm fil-politika tal-pajjiż f’każ li jkun hemm bidla fit-tmexxija, Sant qal li l-ewwel u qabel kollox biex dan iseħħ “Biden irid jirbaħ, xi ħaġa li f’dan il-mument mhijiex mija fil-mija ċara”.

Sant kompla biex jgħid li jekk Biden jirbaħ l-elezzjoni, jaħseb li l-Istati Uniti se terġa’ tmur lejn mod aktar “tradizzjonali” ta’ kif titmexxa l-politika Amerikana — lejn anqas tibdil arbitrarju ta’ politika, anqas stqarrijiet kuntradittorji u ċarezza akbar fl-orjentamenti tal-politika barranija u tad-difiża, inkluż fin-nukleari — forsi wkoll impenn aktar qawwi favur l-għanijiet ambjentali, mhux l-anqas tal-klima. Sant kompla biex jgħid li l-iskema tas-saħħa li daħħal il-Presdient Obama tingħata ħajja ġdida fl-interess ta’ dawk iċ-ċittaini u l-familji li jinsabu l-aktar żvantaġġjati ekonomikament.  

Skont Sant jekk Biden joħroġ rebbieħ, l-Istati Uniti jerġgħu jsiru aktar miftuħa għall-ftehimiet multilaterali ta’ kif titmexxa l-politika fuq skala dinjija. Dan ikun ifisser li mhux ikollok potenza tipprova tirranġa ma’ potenza oħra u kulħadd għal rasu, imma l-potenzi jiftehmu bejniethom fuq arranġamenti li se jgħoddu għal kulħadd, fuq ambjent, kummerċ, tassazzjoni eċċ.
“Min-naħa l-oħra, u dan hu punt li ftit jissemma, taħt l-amministrazzjoni Trump, l-ekonomija Amerikana ħadet rankatura ta’ tkabbir qawwi, li kellu jwassal għall-elezzjoni mill-ġdid ta’ Trump. Imma l-mod kif dan mexxa l-isforz kontra l-pandemija tal-Covid 19 wassal mhux biss għal kriżi fis-saħħa publika imma wkoll għal kważi kraxx ekonomiku. Hawn, jekk tidħol amministrazzjoni ġdida, se tkun ħaġa diffiċli għaliha biex tiċħad il-linji li mexxa Trump fil-qasam ekonomiku… bl-eċċezzjoni tal-protezzjonizmu tiegħu, li fl-aħħar mill-aħħar aktar spiċċa fuq il-karta, milli fil-fatti,” tenna l-ewroparlamentari.

Dwar ir-Russja u ċ-Ċina Sant iddikjara li jiddubita kemm se jkun hemm differenzi kbar fil-qiegħ bejn il-politika ta’ Trump u dik ta’ Biden dwar ir-Russja u ċ-Ċina. L-Istati Uniti qed jagħrfu li posthom bħala l-aqwa potenza tad-dinja m’għadhiex żgura aktar u jkun Trump, ikun Biden, se jaraw kif iżommu r-riedni f’idejhom, għalkemm ma jpoġġuhiex b’dal-mod. 

Dwar l-Ewropa, Sant jemmen li l-amministrazzjoni Biden ikollha relazzjonijiet aktar ċari u kordjali imma ċerti problemi se jibqgħu hemm għalkemm jiġu trattati wieħed jittama, b’ċiviltà akbar — dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji multinazzjonali diġitali Amerikani, dwar l-ambjent, dwar il-ftehim mal-Iran, dwar il-kummerċ ta’ prodotti tal-biedja, u fuq kollox dwar in-NATO u kif l-Ewropej se jħallsu aktar għad-difiża “tagħhom”. Fondamentalment hawn, il-linji ta’ Trump mhux se jinbidlu daqstant. 
“Ħlief forsi li l-Istati uniti ma jibqgħux jimbollaw lill-Unjoni Ewropea bħala avversarji tagħhom imma jerġgħu għal-linja li jaqblu mal-proġett ta’ għaqda Ewropea… waqt li kif għedna, jkomplu joġġezzjonaw għal uħud mill-proġetti ewropej li fondamentalment jikkompetu mal-interessi tagħhom,” tenna Sant. 

Skont Sant se tkun interessanti kif amministrazzjoni Biden, jekk se jkun hemm waħda, se tmexxi l-politika Amerikana lejn Iżrael.  Huwa jibża’ li Biden mhux se jirrikonoxxi li qed issir inġustizzja tremenda lejn il-kawża Palestinjana u għalkemm il-Prim ministru Iżraeljan Netanyahu rnexxielu jurta lil bosta Demokratiċi Amerikani, il-lanja li biha Iżrael qed ikompli jħalli art Paelstinjana tittieħed minn kolonizzaturi Iżraeljani sfortunatament tibqa’ ssib l-appoġġ “sieket” tal-Istati Uniti.

Fir-rigward ta’ Malta bħala bidu, jekk issir bidla fit-tmexxija Amerikana wieħed jittama li l-Istati Uniti jappuntaw ambaxxatur sħiħ f’pajjiżna. Ilna aktar minn erba’ snin b’charge d’affaires, ħaġa li tindika indifferenza politika u nuqqas ta’ għarfien tar-realtà politika Maltija, kif intwera dan l-aħħar bil-kontroversja li qamet dwar il-ftehim SOFA li kellu jirrigwarda kif jiġu trattati forzi militari Amerikani stazzjonati f’pajjiż barrani. 

Mitlub jikkummenta dwar il-politika kontrastanti taż-żewġ kontestanti fid-dawl tal-pandemija, Sant qal li fir-realtà, iż-żewġ perspettivi huma kruċjali. Skontu, Trump seta’ jżomm bilanċ bejn it-tnejn. Biden għamel tajjeb li ta aktar importanza milli għamel il-President għal qasam sanitarju. It-tnejn li huma ppolitiċiżżaw il-biċċa għax hekk kien jaqblilhom jagħmlu. “Biss it-tmexxija ta’ Trump f’dal-qasam kienet terribbli; mhux billi temfasizza l-ekonomiku, trid ukoll turi li taf xinhu jiġri fis-sanitarju u li qed tmexxi b’mod li jorbot ma’ dak li jgħidulek ix-xjentifiċi u l-mediċi, li trid tagħtihom kull skop jagħmlu xogħolhom quddiem kriżi bla preċedent bħal din li tinsab għaddejja. Minflok, forsi bħas-soltu, Trump ħalla r-retorika politika tiġri bih u beda jkanta vittorja meta d-danni fil-qasam tas-saħħa, ikkalkolati f’imwiet imma mhux biss, kienu għadhom qed jibdew”, kompla l-ewroparlamentari. Dwar dan il-punt huwa saħaq li ħafna votanti żgur, mhux l-anqas dawk li kellhom mewt fil-familja, se jkunu qed jaħsbu f’hekk matul din l-elezzjoni presidenzjali.
Dwar il-possibbilità li din l-elezzjoni temfasizza l-firda fil-poplu AMerikan f’mument fejn tant tinħtieġ l-għaqda, huwa qalilna li l-politika Amerikana dejjem kienet polarizzata, daqs ta’ pajjiżna, forsi aktar. Qal ukoll li Trump irnexxielu jħarraxha għax ħaseb li b’hekk se jikkonsolida l-vot tiegħu. Żied jgħid li l-mod kif ittratta l-kwistjonijiet dwar il-puluzija u l-komunità sewda u anke Spanjola fil-pajjiż, il-pożizzjoni li ħa dwar il-ħatra ta’ imħallef ġdida fil-Qorti Suprema Amerikana dan l-aħħar, u l-mod kif daħal bir-ras f’numru ta’ issues delikati fl-Istati Uniti komplew iżidu fil-polarizzazzjoni politika. Huwa qal li din tinħass l-aktar fil-qafas tal-politika dwar l-assigurazzjoni ta’ saħħa għal kulħadd li kien daħħal il-President Obama. Sant temm jgħid li “Il-firda politika fl-Amerika mhijiex se tgħib. Li għandha bżonn hu li ssir aktar ċivili.”

Share With: