Jitressqu l-Qorti żewġ Maltin imfittxija mill-awtoritajiet Taljani fuq traffikar ta’ droga

Żewġt irġiel Maltin imfittxija mill-awtoritajiet Taljani fuq traffikar tad-droga tressqu l-Qorti separatament biex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni kontra tagħhom.

L-ewwel li tressaq kien Michael Aquilina ta’ 47 sena residenti l-Mosta, li qed jikkontesta l-mandat ta’ arrest Ewropew iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Warajh tressaq Gordon Schembri ta’ 34 sena mill-Floriana, fejn talab għal-libertà proviżorja bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li r-raġel huwa maħrub mill-Italja u ma kienx qed jiffirma l-għassa b’mod regolari.

L-Avukati Difensuri ta’ Schembri sostnew li l-imputat għandu żewġ kumpilazzjonijiet pendenti kontra tiegħu li jridu jinstemgħu hawn Malta. “Allura l-verità hi li mandat ta’ arrest Ewropew mhux la kemm jiġi deċiż u jaqbad u jintbagħat lejn l-Italja,” tennew l-Avukati ta’ Schembri. 

Il-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €12,000. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Mark Galea mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u mill-Avukat Maria Baldacchino mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. 

L-Avukat Alexander Scerri Herrera deher għal Aquilina mentri l-Avukati Kathleen Grima u Stephen Tonna Lowell dehru għal Schembri. 

Share With: