“Kien jixraqlu l-Premju Nobel għal-Letteratura”

Il-Professur Raymond Mangion huwa tal-fehma li x-xogħlijiet letterarji tal-Professur Oliver Friggieri kienu jimmeritaw li bihom jingħata l-Premju Nobel għal-Letteratura.

Huwa stqarr dan f’kumment li ħadlu dan is-sit dwar it-telfa tal-Professur Friggieri li tiegħu l-Professur Mangion kien ħabib tal-qalb.

Il-Professur Friggieri, li miet is-Sibt li għadda fl-età ta’ 73 sena, se jingħata l-aħħar tislima llum permezz ta’ funeral statali.

Dan huwa meqjus bħala l-ewwel wieħed li qatt ingħata lil persuna li ma kinitx tokkupa l-kariga ta’ President jew Prim Ministru tal-inqas mindu pajjiżna sar Repubblika.

Skont il-Professur Mangion pajjiżna għadu mhux japprezza xi ġgant dinji kien fil-qasam tal-letteratura il-Professur Friggieri u sostna li l-legat li ħalla fil-kitba tiegħu huwa kbir.

Huwa sostna li fix-xogħlijiet tiegħu tispikka qabel kollox l-għaqda li ried jara fil-pajjiż u semma kif il-Professur Friggieri kienet iddejqu l-firda politika tant li l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat kien għażlu biex imexxi l-Fondazzjoni Ċelberazzjonijiet Nazzjonali fl-attivitajiet li ġew imnedija biex jitfakkru diversi anniversarji nazzjonali.

Il-Professur Mangion iddeskriva ukoll bħala s-suċċessur tal-poeta nazzjonali Dun Karm fil-ħidma li wettaq biex il-lingwa Maltija tingħata promozzjoni u kien iħares lejha bħala strument ta’ identità.

Huwa żied li x-xogħlijiet tiegħu nqalbu f’madwar 60 lingwa nkluż uħud etniċi li, skont hu, hija xi ħaġa unika.

Minbarra li kien poeta kbir il-Professur Friggieri kien ukoll espert fil-poetika jiġifieri l-kritika letterarja u iddedika ħajtu għat-tagħlim lil ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ studenti.

Dwar il-Professur Friggieri lilhinn mill-akkademiku l-Professur Mangion sostna li  huwa kien bniedem dedikat għall-familja u kien iħobb ħafna l-annimali u l-ambjent kif jidher anke mill-istess xogħol tiegħu.

Malta f’jum ta’ luttu, il-funeral jixxandar fuq Facebook

Wara li kien iddeċieda li jagħmill funeral statali l-Gvern iddikjara li l-jum tal-Erbgħa jiġi immarkat bħala jum ta’ luttu.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kiteb uffiċjalment lis-segretarji permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u kapijiet tal-entitajiet pubbliċi biex il-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi jittajru mezz’asta.

Il-funeral se jibda b’korteo funebri li jitlaq mill-Isptar Mater Dei fis-12.45 p.m. lejn l-Università ta’ Malta fejn il-Professur Friggieri se jingħata tislima xierqa mill-Università.

Minn hemmhekk il-korteo funebri jkompli għal quddiem ir-residenza privata tiegħu fi Fleur-de-Lys u mbagħad għal quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju fil-Floriana, fejn twieled, biex jingħata tislima mill-Kunsill Lokali tal-Floriana u mill-Kleru tal-Parroċċa ta’ San Publiju.

Wara l-korteo funebri jerħilha lejn il-Konkatidral ta’ San Ġann fejn se ssir quddiesa ‘praesente cadavere’ li tibda fis-2.00 p.m. ikkonċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Għal din il-quddiesa mistennija jattendu, fost oħrajn, il-President tar-Repubblika George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Il-quddiesa se tixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali TVM u fuq maltagov, li hija l-paġna uffiċjali tal-Gvern fuq Facebook, u wara l-funeral ikompli f’forma strettament privata.

Il-pubbliku huwa mgħarraf li minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija fil-Konkatidral ta’ San Ġann se jitħallew jidħlu biss dawk li se jirċievu l-istedina uffiċjali.

Share With: