Koppja b’ħanut tal-laħam mixlija b’ħasil ta’ flus tgħid li ordni tal-iffriżar tal-assi qed tikser id-drittijiet fundamentali tagħha

Koppja li qed tiffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus qed jisħqu li qed jinkisrulhom id-drittijiet tagħhom wara li l-assi kollha tagħhom ġew iffrizati, b’dan iwaqqaf l-operat tan-negozju tagħhom.

Anthony Manicaro u martu Mary Grace, minn Ħal Tarxien, kienu arrestati u tressqu l-Qorti f’Settembru li għadda wara investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Huma kienu tressqu l-Qorti taħt arrest, fejn kienu wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhom ta’ ħasil tal-flus, u kif ukoll li kienu qed joperaw istituzzjoni finanzjarja mhux liċenzjata u fi ksur tal-liġi tas-servizzi finanzjarji u bankarji.

Il-Proskuturi qalu lill-Qorti li klijenti tal-koppja kienu jixtru prodotti tal-laħam, u bajd fost affarijiet oħrajn mill-ħanut bi kreditu jew bl-għoti taċ-ċekkijiet tas-sigurtà soċjali, li l-koppja kienet issarraf, allegatament għal €5.

Numru ta’ klijenti kienu qalu lill-invstigaturi li dan l-arranġament kien “konvenjenti” minħabba li b’hekk ma kienx jinħtiġilhom joqogħdu fi kjuwijiet twal biex jinqdew mill-bank jew mill-uffiċċju postali.

Filwaqt li l-koppja kienet ingħatat il-ħelsien mill-arrest, il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni li jiġu ffriżati l-assi kollha tagħhom, liema ordni tal-Qorti għadha applikabbli wara xahrejn.

Il-koppja qalet li l-ordni tal-Qorti biex jiġu ffriżati l-assi kollha tagħhom waqqfet l-operat tan-negozju tagħhom u qed iċċaħħadhom mill-uniku dħul tagħhom minħabba li ma jistgħux ibiegħu l-prodotti tagħhom jew jagħmlu transazzjonijiet finanzjarji.

L-ordni tal-Qorti tfisser ukoll li l-proprjetajiet kollha tal-koppja, anke dawk li jippreċedu l-akkużi u li l-koppja kienet xtraw snin ilu, anke permezz ta’ wirt, hija affettwata mill-ordni ta’ ffriżar ta’ assi.

Il-koppja għaldaqstant għamel rikors kostituzzjonali fejn qalu li l-ordni tal-Qorti hija sproporzjonata.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia, li qed jidhru għall-koppja, għamlu referenza għal deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, u argumentaw li l-Qorti għandha tassigura “proporzjanilità  bejn il-mezzi użati u l-għan li trid tilħaq”.

Id-Difiża żiedet tgħid li ordni tal-Qorti tkun ikkunsidrata “sproporzjonata” u għaldaqstant tiker id-drittijiet fundamentali tal-bniedem ladarba tirriżulta “piż eċċessiv” u twassal biex jintilef il-bilanċ bejn il-protezzjoni għad-dritt tal-proprjetà u s-salvagwardja tal-interessi ġenerali.

Fid-dawl ta’ dan id-Difiża saħqet li d-drittijiet tal-akkużati qed jiġu miksurin u talbu lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, ġurisdizzjoni kostituzzjonali, biex tipprovdi rimedji effettvi u adegwati.

Share With: