“L-ammonti ta’ immaġini u materjal sesswali ġġenerati mit-tfal infushom, kiber b’mod allarmanti”

Minn Svetlana Buttigieg, Service Area Leader – Supportline 179

Fit-18 ta’ Novembru niċċelebraw il-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali. It-tema ta’ din is-sena hija “Prevenzjoni ta’ mġieba riskjuża mit-tfal u stampi u filmati sesswali ġġenerati mit-tfal infushom”.

It-teknoloġija saret parti mill-ħajja tat-tfal u l-ammont ta’ ħin li qed iqattgħu onlajn qed jiżdied, partikolarment matul din is-sena. Minħabba l-pandemija t-tfal kienu sfurzati jitgħallmu, jissoċjalizzaw u jqattgħu l-ħin liberu tagħhom onlajn. F’kull pajjiż madwar id-dinja, l-ammonti ta’ immaġini u materjal sesswali ġġenerati mit-tfal infushom, kiber b’mod allarmanti.  Malta mhix eċċezzjoni. Għal din ir-raġuni, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) permezz tal-ħidma tal-“Hotline Childwebalert” qed taħdem biex tqajjem aktar għarfien dwar dan il-fenomenu. Dan bil-għan li tipprevjeni li l-kontenut jiġi ġġenerat u tiġi salvagwardjata s-sigurtà onlajn tat-tfal.

X’inhu kontenut iġġenerat mit-tfal infushom?

Dan il-kontentut qed jirreferi għal ritratti u filmati magħmulin mit-tfal infushom u li jinvolvi lilhom stess. Stampi bħal dawn jistgħu jkunu ta’ natura sesswali li jistgħu jkunu nħadmu kemm liberament jew ġew sfurzati jagħmlu dan. Ladarba l-materjal jiġi mtella’ onlajn dan il-kontenut jistgħu jarawh għadd kbir ta’ nies u dan jista’ jibqa’ onlajn għal żmien twil. Saħansitra jista’ jispiċċa fuq websajts li jintużaw speċifikament biex jisfruttaw it-tfal.

Kif jista’ jiġri dan?

Hemm modi differenti kif it-tfal jipproduċu u jxerrdu mmaġini sesswali ġġenerati minnhom infushom. Fost dawn hemm it-tqassim tal-materjal bejn il-ħbieb li jkunu tal-istess eta’. Ħafna drabi l-minuri li jipproduċi u jqassam ir-ritratt ikun jafda lill-minuri l-ieħor. B’danakollu, ladarba r-ritratt jintbagħat, dan jista’ jinxtered fuq pjattaformi differenti billi l-minuri li rċieva r-ritratt ixerrdu ma’ oħrajn mingħajr il-kunsens tal-minuri li jkun ipproduċa l-kontenut oriġinali.

Immaġini sesswali ġġenerati mit-tfal infushom jistgħu jiġu mxerrdin biex il-minuri jwasslu s-sesswalità onlajn u b’hekk jirċievu bosta likes jew iżidu s-segwaċi fuq pjattaformi tal-midja soċjali. Il-likes u s-segwaċi huma forma ta’ validazzjoni għaż-żgħażagħ. Hemm it-twemmin li iktar ma r-ritratt ikun sesswali, iktar wieħed jirċievi likes u aktar jiġbed segwaċi. Dan jista’ jkun ukoll bħala riżultat ta’ pressjoni minn persuni tal-istess etajiet jew minn influencers li kontinwament jibagħtu ritratti sesswalizzati tagħhom infushom biex jattiraw aktar followers.

Dan il-materjal jista’ wkoll jiġi mtella’ permezz ta’ sfurzar jew rikatt speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ grooming onlajn fejn il-minuri jiġi kostrett li jwettaq atti sesswali jew jibgħat ritratti espliċiti li jistgħu mbagħad jinqasmu ma’ persuni oħrajn onlajn. Il-pedofili u dawk interessati fl-isfruttament tat-tfal ħadu vantaġġ mill-fatt li aktar tfal kienu onlajn waqt il-pandemija. B’hekk dawn il-persuni kellhom opportunitajiet akbar biex jisfruttaw it-tfal u r-riżultat sfortunatament kien li jkun hemm aktar kontentut immorali mxerred onlajn. 

Fejn tista’ ssib l-għajnuna?

Huwa importanti li tittieħed azzjoni mmedjata jekk wieħed jirrealizza li t-tfal bagħtu xi ritratti sesswali tagħhom infushom fuq l-internet. Aktar ma jiġu rraportarti malajr dawn il-każijiet, aktar aħjar.  Dan biex ir-ritratt ma jilħaqx jinxtered u jarawh miljuni ta’ nies. Permezz tal-hotline tal-Fondazzjoni, childwebalert.gov.mt, li hija anonima, jista’ jitwaqqaf it-tixrid tal-materjal onlajn. Is-Supportline 179, li jopera 24 siegħa kuljum, jista’ joffri gwida dwar dan il-forma ta’ abbuż ukoll.

Apparti dan, jekk wieħed jiltaqa’ ma’ xi materjal ta’ abbuż sesswali fuq tfal, huwa importanti li jiġi rrapurtat b’mod immedjat. Huwa importanti li lkoll nikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-Materjal għall-Abbuż Sesswali tat-Tfal (CSAM). Permezz tar-rapport tiegħek, inti tista’ tagħmel id- differenza.

Share With: