L-awtoritajiet Russi jiċħdu li Putin għandu problemi ta’ saħħa wara li nfexx jisgħol waqt laqgħa virtwali

L-awtoritajiet Russi kellhom jiċħdu li l-President Vladimir Putin kellu problemi ta’ saħħa waqt laqgħa virtwali li kellu fl-aħħar sigħat.

Il-President Russu ta’ 68 sena sabha diffiċli biex jispiċċa sentenza waqt li kien qiegħed jiddjaloga ma’ uffiċjali għolja b’rabta mas-sitwazzjoni finanzjarja u l-impatt tal-Covid-19.

Skont rapporti fil-midja barranija xi ħin wara, il-filmat ġie rranġat b’tali mod li s-sogħla kontinwa li ħakmet lill-President tidher anqas severa.

L-awtoritajiet Russi kkonfermaw li l-President kien “assolutament normali” u li wara li skuża ruħu minħabba l-attakk li tah, kompla bil-laqgħa tiegħu mingħajr ebda interruzzjoni.

Għalkemm jidher li s’issa l-President Russu evita li jlaqqat il-virus tal-COVID-19, Putin s’issa rrifjuta li jieħu waħda miż-żewġ vaċċini riċerkati fil-pajjiż.

Share With: