“L-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu dan il-Milied huwa li nirrispettaw lil dawk l-aktar f’riskju li jbatu minn kumplikazzjonijiet”

Waqt l-aġġornament b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li minn 3,049 swab test kien hemm 96 persuna li rriżultaw pożittivi filwaqt li kien hemm 132 persuna li fiequ.

Jiżdiedu l-imwiet

Fl-aħħar ġimgħa kien hemm 24 persuna li mietu, bl-aħħar erbgħa jkunu persuni li mietu fl-aħħar ftit sigħat. B’hekk it-total ta’ persuni li mietu kawża tal-pandemija tela’ għal 132 persuna.

Pazjenti jingħataw il-kura

B’kollox hemm 194 persuna li qed jingħataw il-kura fl-isptarijiet u qegħdin maqsumin hekk:

20 persuna fl-ITU 
10 persuni fl-IDU
38 persuna fi swali oħra fl-Isptar Mater Dei
22 persuna fl-Isptar Boffa
18-il persuna f’St Thomas Hospital
9 persuni f’Karin Grech
71 fl-Isptar tas-Sammaritan it-Tajjeb
6 persuni fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Seba’ djar tal-anzjani b’każi tal-Covid-19

Minkejja li hemm seba’ djar tal-anzjani li fihom għadhom qed jinsabu każi ta’ Covid-19, din is-sitwazzjoni hija waħda kontrollata u mhux biss qed isir l-iżolament, iżda qed jitkompla l-proċess tal-ittestjar biex il-każi jinqabdu fl-ewwel stadji tagħhom.

75 minn fost il-każi attivi huma Għawdxin

Il-każi attivi qed jinżammu stabbli kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u minn fost il-każi attivi totali, 75 persuna huma minn Għawdex.

L-età medja tal-każi ġodda ta’ din il-ġimgħa hija dik ta’ 44 sena. Gauci qalet li kull wieħed minna għandu r-responsabbilità biex nipproteġu lil xulxin u li kull persuna li tmut hija telfa u tħalli dieqa kbira.

Gauci spjegat li l-maġġoranza tal-imwiet fl-irġiel kienu dawk ta’ età bejn l-75 sena u l-84 sena.

Ikompli jiżdied l-ittestjar

L-istrateġija tal-ittestjar hija xi ħaġa li l-awtoritajiet tas-saħħa saħqu fuqha sa mill-bidu u għalhekk kompla jiżdied l-ittestjar f’pajjiżna. Iċ-ċentri tal-ittestjar jinsabu f’Ħal Luqa, Pembroke, Ħal Qormi, Burmarrad, Għawdex, Mater Dei, Boffa u fl-Ajruport. Żdied l-ittestjar tar-Rapid testing li jagħti riżultati f’ħin qasir.

Importanti li tinżamm id-distanza soċjali

Charamaine Gauci fakkret li ġie mġedded l-avviż legali tal-bars u l-każini li se jibqgħu magħluqin għall-ġimgħat li ġejjin sakemm terġa’ ssir evalwazzjoni. Fakkret dwar l-importanza li tinżamm id-distanza soċjali u li kull individwu jżomm f’moħħu li ladarba jħalli r-residenza tiegħu għandu jeħtieġ li jħalli distanza meta jiltaqa’ ma persuni oħra. Fakkret ukoll dwar l-ilbies tal-maskra u appellat għal aktar edukazzjoni fejn jidħol l-ilbies ta’ dawn il-maskri. Hija qalet li l-ilbies tal-maskri jibqa’ obbligatorju bil-liġi u b’hekk min ma jilbishiex se jibqa’ jiġi mmultat. Gauci appellat biex jintlibsu maskri li joqogħdu tajjeb mal-wiċċi biex jiġi evitat li persuni joqogħdu kontinwament jirranġaw il-maskra b’riskju li jikkontaminaw lilhom infushom.

Fl-ajruport

Persuni li ġejjin minn postijiet b’rata għolja ta’ infezzjonijiet iridu jippreżentaw ċertifikat li huma negattivi. Dawk li jonqsu milli jagħmlu dan qegħdin isirulhom r-rapid tests u dawk li jinsabu pożittivi qed jitpoġġew b’mod immedjat f’iżolament.

Mal-pajjiżi li diġà huma mniżżla fil-lista, minn nofsillejl tal-lejla se jkunu qed jiżdiedu l-ajruporti kollha fl-Italja ħlief Sqallija u Sardinja, l-ajruporti kollha fil-Portugall u l-ajruporti kollha wkoll fl-Ingilterra.

Fl-aħħar jiem saru 810 test fl-ajruport u kien hemm ħames persuni li rriżultaw pożittivi u dawn kienu 

persuna mill-Austria li rriżultat pożittiva fl-20 ta’ Novembru,

persuna mill-Ġermanja li rriżultat pożittiva fit-22 ta’ Novembru

żewġ persuni mill-Italja li rriżultaw pożittivi fit-23 ta’ Novembru u 

persuna oħra mill-Italja li rriżultat pożittiva fil-25 ta’ Novembru.

Rigward l-ikliet f’dawn il-ġranet ta’ festi, Gauci qalet li dan il-Milied l-aħjar rigal li nistgħu nagħtu lil dawk li huma l-aktar f’riskju li jbatu minn kumplikazzjonijiet huwa li nevitaw li niltaqgħu. Charmaine qalet li l-Milied tagħha se jkun wieħed sempliċi li fih se tkun qiegħda tgawdi lil żewġha u lil binha għax skont il-miżuri huma biss persuni fl-istess residenza li jistgħu jiltaqgħu.

https://www.facebook.com/plugins/video.php?height=314&href=https%3A%2F%2Fwww.facebook.com%2Fsahhagovmt%2Fvideos%2F2714522662211382%2F&show_text=false&width=560
Share With: