L-istrutturi tal-pedament tal-Belvedere tal-Għeriexem waslu biex jitlestew

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li x-xogħol minn  Infrastructure Malta fuq l-istrutturi tal-pedament li se jkun is-sapport għar-rikostruzzjoni tal belvedere tal-Għeriexem fir-Rabat waslu biex jitlestew. 

Il-proġett tal-Belvedere tal-Għeriexem hu investiment infrastrutturali ta’ €4 miljun li se jinkludi  pedamenti ġodda, disinn aħjar għall-karreġġati, belvedere b’passaġġ pedonali, għadd ta’ bankijiet  iħarsu lejn il-ġmiel ta’ veduta tal-wied tal-Għeriexem u tisbiħ ta’ żoni fil-viċinanzi permezz ta’  tħawwil ta’ siġar ġodda. 

Il-Ministru Ian Borg qal, “L-għan tagħna bħala gvern bi pjan hu li dejjem intejbu l-kwalità ta’ ħajja  u noffru l-aqwa sigurtà possibbli lin-nies biex ma jkunx hemm repetizzjonijiet ta’ inċidenti bħalma  kellna hawnhekk. Ridna nidħlu fiż-żarbun tar-Rabtin u nħossu dak li bdew iħossu huma u għalhekk  nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil dawk il-familji kollha Rabtin li tawna permess inżuru djarhom u  nesperjenzaw dak li bdew jesperjenzaw huma biex b’hekk seta’ jibda l-ippjanar ta’ dan il-proġett u  stajna nagħmlu aktar studji u osservazzjonijiet preċiżi biex dan il-proġett isir bl-aktar mod bilgħaqal,  bi kwalità, minn qalbna għar-Rabtin”. 

Il-proġett tal-belevedere ta’ Għeriexem tnieda erba’ xhur ilu. Ta’ min jgħid li fil-proċess nstabu anke  fdalijiet ta’ sinifikat arkeoloġiku. Bi ftehim bejn Infrastructure Malta u s-Sovrintendenza tal-Wirt  Kulturali ġew modifikati partijiet mill-pjanijiet tal-proġett biex b’hekk dawn il-fdalijiet setgħu jiġu  ppreservati, viżibbli u aċċessibbli għal studji futuri.  

Skart mormi illegalment u li akkumula sew f’dan is-sit minn għexieren ta’ snin tnaddaf mill kuntratturi tal-proġett. 

Infrastructure Malta mistennija toħloq culvert għal cables ġodda tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli li se  jtejbu s-sistema tal-elettriku f’din iż-żona. Dawn il-culverts se jkunu qed inaqqsu l-ħtieġa li titħaffer  it-triq il-ġdida minħabba xi tiswijiet jew aġġornameti futuri. Barra minn hekk, il-proġett se jinkludi  sistema ġdida ta’ drenaġġ li se ssarraf fi ġbir aktar effettiv tal-ilma tax-xita, pipelines ġodda li  jipprovdu anke ilma tajjeb għax-xorb u katusi ġodda li se jkunu qed itejbu networks ta’  telekomunikazzjoni bħall-internet. 

Infrastructure Malta qed taħdem biex tlesti dan il-proġett fl-inqas żmien possibbli biex b’hekk tkun  qed toffri l-aqwa sigurtà lill-utenti tat-triq u lir-residenti ta’ din iż-żona.

Share With: