L-MCST jassigura li r-Riċerka u l-Innovazzjoni jibqgħu fuq quddiem tal-aġenda nazzjonali

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) wettaq diversi inizjattivi, ħa diversi miżuri u implimenta numru ta’ proġetti sabiex jassigura li l-iSTEM Engagement, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jibqgħu fuq quddiem tal-aġenda nazzjonali. Dawn huma enfasizzati fir-Rapport Annwali tal-2019 maħruġ mill-MCST li jkopri l-attivitajiet tal-Kunsill fl-2019 taħt it-tmexxija taċ-Ċermen Eżekuttiv, Dott Jeffrey Pullicino Orlando. Bis-sapport sħiħ tas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni u l-Uffiċju tal-Prim Ministru, l-isforzi tal-MCST qed jiġu msaħħa.

B’rispons għaż-żieda fid-domanda kif ukoll għan-nuqqas ta’ ħiliet STEM imbassra fl-Ewropa, l-MCST serva bħala katalista f’oqsma relatati ma’ STEM billi nieda l-iSTEM Engagement Working Group nazzjonali permezz ta’ Esplora, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza. Dan il-Working Group ġabar flimkien il-pijunieri lokali f’dan il-qasam  inkluż l-Università ta’ Malta (UM), il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) u l-MCST innifsu f’kampanja nazzjonali biex joħolqu għarfien u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet STEM.

Ġiet ippubblikata position paper li tinkludi fiha l-miżuri diversi dwar kif se jkunu qed jintlaħqu dawn il-miri, kif ukoll l-iżvilupp ta’ strateġija dwar il-komunikazzjoni tax-xjenza f’Malta. Għalhekk, l-MCST permezz tal-Esplora, se jkun qed idur għall-għajnuna tal-Working Group biex jaħdem b’mod sinerġistiku u ħolistiku għal impenn fil-qasam STEM fuq livell lokali, Ewropew u Internazzjonalment

L-Esplora ħejja diversi avvenimenti għall-iskejjel u għall-pubbliku fl-2019, inkluż programm edukattiv ġdid u li ġie rivedut f’konformità mal-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim. Dan kien jinkludi numru ta’ Family Science Days u diversi Avvenimenti Tematiċi għall-viżitaturi ta’ kull età.  Dawn tal-aħħar inkludew attivitajiet marbuta mal-Karnival,  Halloween u l-Milied. Stħarriġ indipendenti mħejji minn MISCO International ikkonferma żieda ta’ 14% fil-perċezzjoni u l-attitudni tal-pubbliku lejn ix-Xjenza u t-Teknoloġija fl-2019 meta mqabbel mal-2015. Statistiċi oħra juru li fl-2019 kien hemm żieda ta’ aktar minn 10% fl-għażliet tas-suġġetti STEM fit-tmien sena skolastika meta ġie mqabbel mas-sena 2017.

Marbuta mal-isforzi nazzjonali sabiex l-istudenti Maltin jagħżlu aktar suġġetti STEM u sabiex tinbena ekonomija bbażata fuq l-għarfien, bdew il-preparamenti għall-EsploraNatura li se jikkumplimenta l-Esplora, għall-fatt li se jindirizza suġġetti STEM partikolari bħalma huma x-xjenzi naturali u dawk bioloġiċi.  Għal dan il-proġett, li se jkun jiswa aktar minn erbgħin miljun ewro, ġie ngaġġat direttur fl-aħħar parti tas-sena 2019. Beda x-xogħol fuq is-sejħiet għall-offerti għal studji topografiċi u ġeoloġiċi tas-sit. Ix-xogħol marbut ma’ dan il-proġett miexi b’pass mgħaġġel.

Qiegħed ukoll fi stadju avvanzat ix-xogħol ta’ tisbiħ tal-foreshore fil-madwar tal-peninsula Bighi, li b’permezz tiegħu l-viżitaturi ta’ Esplora se jkunu jistgħu jaċċessaw iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza mill-Port il-Kbir. Bis-saħħa ta’ dawn l-isforzi, l-MCST se jkun qed joffri lill-viżitaturi esperjenza liema bħalha fil-Mediterran.

Id-dipartimenti tekniċi tal-MCST kibru sew fl-2019 billi nħolqot sezzjoni iffukata fuq l-internazzjonalizzazzjoni sabiex tiżdied il-kollaborazzjoni fost ir-riċerkaturi u l-partijiet interessati kemm lokali kif ukoll barranin. Dan se jservi bħala one-stop-shop għal inizzjattivi internazzjonali li fihom tista’ tipparteċipa l-komunità ta’ riċerka Maltija. Ta’ min wieħed isemmi x-xogħol li qed isir mal-kontroparti Ċiniża, il-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija (MOST), partikolarment permezz tal-fond Sino-Malta. L-ewwel sejħa tnediet fl-2019, b’baġit ta’ €700,000 mressaq mill-MCST u l-MOST sabiex jiffinanzjaw proġett fil-qasam tax-xjenza marittima u proġett ieħor li jiffoka fuq it-trasport. Dawk il-proġetti li jintgħażlu għandhom jibdew fl-2020. 

Tkompla sew ix-xogħol fuq plumtri – pjattafroma onlajn iddedikata għar-Riċerka u l-Innovazzjoni b’servizz għal dawk ir-riċerkaturi li jixtiequ jingħaqdu ma’ riċerkaturi oħra jew li jsibu opportunitajiet u sejħiet dwar ir-riċerka, kif ukoll inizzjattivi oħra tal-R & I aktar relevanti għall-partijiet interessati lokali. Il-pjattaforma ġiet estiża għal dawk l-imsieħba li joperaw fir-reġjun tal-Mediterran. Huwa notevoli li plumtri ngħata l-premju tal-Best eGovernment Initiative, l-Aqwa inizjattiva Elettronika tal-Gvern fl-eBusiness Awards tal-2019. 

Impenn sħiħ għar-riċerka u l-innovazzjoni huwa kruċjali sabiex Malta jkollha waħda mill-aqwa ekonomiji fid-dinja bbażata fuq l-għarfien. It-tfassil ta’ politika u sistemi addatti għandhom is-saħħa li jagħmlu x-xjenza, il-politika u s-soċjetà aktar konnessi ma’ xulxin. B’dan il-għan, l-MCST beda l-preparamenti u l-konsultazzjonijiet fuq l-iStrateġiji tal-Innovazzjoni Nazzjonali għal Speċjalizzazzjoni Intelliġenti u tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Fl-2019 saru diversi sforzi sabiex tinġabar kemm jista’ jkun informazzjoni mill-partijiet interessati u b’hekk nifhmu aħjar x’inhuma l-isfidi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati f’dawn l-istrateġiji li jmiss. 

F’dan ir-rigward, eżerċizzju importanti ħafna li minnu ħarġet informazzjoni siewja kien il-Peer Review għas-sistema tal-R&I f’Malta, bis-sostenn tal-Policy Support Facility tal-Horizon 2020 tal-UE. Ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Peer Review ġew riveduti u bdew id-diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom. Din il-ħidma se tkompli fl-2020.

L-ewwel edizzjoni tal-Programm Edukattiv għall-iSpazju, partikolarment l-attivitajiet CanSat Malta u l-AstroPi nfetħu għall-iskejjel kollha Maltin u laħqu l-qofol tagħhom fl-2019. Dawn ġew organizzati f’kollaborazzjoni mall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Esplora u l-Aġenzija Spazjali Ewropea. Dan il-programm, li jsir kull sena, għandu l-għan li mhux biss itejjeb il-ħiliet xjentifiċi u tekniċi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, iżda jibni wkoll fuq is-soft skills bħalma huma: li wieħed isolvi problema, li wieħed jaħdem f’tim u li jtejjeb il-komunikazzjoni. L-MCST kompla jipprovdi sapport sħiħ lill-gvern fuq il-Politika tal-iSpazju sabiex jagħti sostenn lit-Taskforce tal-iSpazju li ġie fis-seħħ f’Marzu tal-2019.

L-MCST kompla jservi bħala l-kuntatt uffiċjali fl-amministrazzjoni tal-Programmi ta’ Qafas tal-UE. Il-Horizon 2020, l-akbar programm tal-R&I tal-UE, se jkun segwit minn Horizon Europe – programm ambizzjuż għar-riċerka u innovazzjoni ta’ €100 biljun, li se jibda fl-2021 u jibqa’ sejjer sal-2027. Malta bbenefikat bil-bosta mill-fondi għall-innovazzjoni tal-UE permezz tal-programm Horizon 2020.  Sa l-aħħar tal-2019, 133 għotja ta’ ftehim ġew iffirmati bil-parteċipazzjoni ta’ 179 entità Maltija. L-ammont ta’ finanzjament li rċevew il-parteċipanti Maltin ammonta għal €25.3 miljun. Bħalissa hemm 61 -il entità li qed jipparteċipaw b’suċċess fil-Horizon 2020. L-aktar benefiċjarju attiv huwa l-Università ta’ Malta li qed jipparteċipa b’46 proġett u rċieva madwar €8.8 million sa mill-bidu tal-programm. 

FUSION, il-Programm Nazzjonali tal-R&I, kompla jattira l-attenzjoni tar-riċerka lokali fil-kommunità tul l-2020, b’baġit ta’ €2.2 miljun. Permezz tal-Commercialisation Voucher Programme (CVP) u t- Technology Development Programme (TDP), entitajiet pubbliċi u privati setgħu jesploraw il-vijabilita’ tal-ideat tagħhom u  jingaġġaw f’riċerka kollaborattiva b’mod rispettiv. Il-baġit totali tal-fond se jiġi kkunsmat sa l-aħħar ta’ din is-sena. Wara li tlestew il-proġetti taħt is-CVP b’suċċess, ġew iffinanzjati 12-il proġett ieħor permezz tat-TDP fl-2019. Total ta’ kważi €2.8 miljun ġew kommessi għal dawn il-proġetti li għandhom jitlestew fis-sena 2022.

Il-Kunsill huwa kburi li r-rapporti finanzjarji jirriflettu l-ħidma għaqlija u l-kawtelita’ tiegħu fl-infiq tal-fondi – mingħajr ma jnaqqas mill-kwalita’ tax-xoghol fis-settur inkarigat lilu. 

Ir-Rapport Annwali tal-2019 tal-MCST huwa disponibbli għall-partijiet interessati permezz ta’ din il-ħolqa.

Share With: