Lewis Hamilton … viċin li jġedded mal-Mercedes

Iċ-chairman tal-Mercedes, Toto Wolff, ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jibdew taħditiet ma’ Lewis Hamilton biex iġedded il-kuntratt tiegħu.

Proprju nhar il-Ħadd li għadda, Hamilton rebaħ il-kampjonat tal-Formula Wieħed għas-seba’ darba fil-karriera tiegħu biex sar l-aqwa sewwieq fl-istorja. Huwa laħaq lil-leġġendarju, Michael Schumacher, iżda Hamilton għandu aktar rekords personali.

Il-kuntratt tas-sewwieq Britanniku jintemm f’din is-sena stess iżda huwa  sostna li jixtieq jibqa’ mal-Mercedes.

“Bħalissa għadni qed niċċelebra r-rebħa tas-seba’ kampjonat u għaldaqstant m’inix f’pożizzjoni li nitkellem dwar kuntratti.

“Madankollu posti huwa mal-Mercedes u għaldaqstant fil-jiem li ġejjin se npoġġi flimkien mad-diriġenti biex nibqa’ naħdem ma’ dan it-team. Ir-relazzjoni tiegħi meigħu mhijiex waħda professjonali … iżda hija wkoll ta’ ħbiberija,” temm jgħid Hamilton.

Share With: