Li jitwettaq

Minn Alfred Sant

Wieħed biss għandu jkun l-għan issa li l-baġit għas-sena li jmiss ġie approvat: dak li jitwettaq. Bis-sens – b’rieda ċara biex il-problemi konkreti jkunu affrontati konkretament mhux bil-kliem sabiħ – kif ukoll b’nifs tat-tul. Ma jridx jibqa’ fuq il-karta…

Il-baġit kellu patafjun proġetti li huma xierqa u f’waqthom… ħalliha li uħud minnhom kienu riċiklati minn baġits oħra ta’ qabilhom. Biss ma nafx baġit wieħed fejn dil-ħaġa, bi skuża jew oħra, ma ġratx!

L-importanti f’daż-żmien diffiċli ta’ kriżi u kontroversja maħluqa mill-Covid 19 se jkun li waqt li l-miżuri mħabbra jitwettqu b’galbu, jekk u kif jinbidlu ċ-ċirkostanzi, tinżamm għal-lest il-kapaċità biex l-istess miżuri jkunu addattati għaċ-ċirkostanzi ġodda.

Fiċ-ċokon tagħna, l-flessibiltà tibqa’ l-aqwa mezz biex nilqgħu bih għat-theddid u l-isfidi ta’ madwarna.

***

MA NILLAXKAWX

Tajjeb li kif qed jidher, ir-regoli sanitarji li għandhom jitħaddmu fostna għall-ħarsien tal-poplu qed ikunu nforzati b’reqqa akbar. Ovvja li dil-ħaġa mhijiex se tikseb għall-gvern aktar voti. Imma jeħtieġ li ssir.

Mal-Ewropa kollha, l-kondizzjonijiet tas-saħħa publika qed jaqilgħu diksata kbira. Veru li dak li jkollu jsir biex jirrispondi għal din is-sitwazzjoni jattakka l-moral ta’ ħafna familji. Imma x’hemm agħar milli tagħtihom sens falz ta’ sigurtà biex imbagħad isibu li ġew infettati u uħud minnhom jispiċċaw fil-gwaj?

Dejjem kont tal-fehma li għal min jinsab fi gvern demokratiku, aħjar jitlef il-voti u anke elezzjoni, milli jitlef il-ħajjiet ta’ ċittadini li setgħu jkunu salvati.

***

TRUMP SE JITLAQ?

Le, Trump mhux se jitlaq. Mhux hu bħala politiku, indipendentement minn kif imur fil-kawżi li se jkun qed jagħmel biex jikkontesta r-riżultat elettorali għall-presidenza Amerikana.

Jibqa’ l-fatt li kiseb is-suċċessi u s-saħħa politika tal-aħħar snin għax irrappreżenta saffi kbar fis-soċjetà Amerikana li ma qisux li politiċi oħra, aktar “ċivili” u “korretti”, kienu qegħdin ifissru tajjeb it-tħassib u l-interessi tagħhom.

Dawk in-nies hemm għadhom, bid-dwejjaq u l-biżgħat tagħhom. Forsi bi Trump b’kollox, żiedu fid-dwejjaq. Għax Trump, minkejja d-diskorsi u l-pożi kollha tiegħu, filfatt ħalla l-fatturi li kienu qed jgħakksuhom, ikomplu jitqawwew.

X’se jiġri mingħajru?

Ironikament, l-amministrazzjoni Biden għandha opportunità tilqa’ aħjar għad-diżappunti ta’ dawn in-nies li jħossuhom ittraduti mill-avvanzi “moderni” li kif jaraw u jħossu l-affarijiet huma, tefgħuhom laġenba (anke jekk gawdew minnom) u ftit sfawlhom ta’ ġid.

Parti essenzjali mill-messaġġ ta’ Biden – imgeżwer m’hemmx għalfejn ngħidu f’lingwaġġ politiku Amerikan – hu li jtella’ mill-ġdid il-profil soċjali tal-istat Amerikan. Jekk jirnexxilu jagħmel hekk b’mod kunsenswali, se jilqa’ bil-kbir għall-preżenza ta’ Trump fil-politika tal-Istati Uniti.

Share With: