“Li tkun LGBTIQ+ mhix xi ideoloġija iżda n-natura diversa tal-bniedem”

Kundanna bla riżervi mill-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, għall-attakki fuq il-persuni trans

Minn Carmen Cachia

Din il-ġimgħa hija “Trans Awareness Week” u proprju f’dawn il-ġranet għadd ta’ persuni, organizzazzjonijiet u politiċi kkundannaw l-attakki li saru fuq il-kandidata ġdida tal-PN, Angela Coleiro. Inewsmalta tkellem ma’ Helena Dalli, Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, fejn insistiet li għandna bżonn naħdmu fuq l-attitudnijiet tan-nies u saħqet fl-importanza li jkun hemm protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni bil-għan li dawk li jiddiskriminaw u jinsistu li jibqgħu jagħmlu hekk, iħallsu ta’ għemilhom.

“Attakki fuq nies trans bħalma saru fuq il-kandidata tal-PN Angela Coleiro, ikomplu juru kemm hemm bżonn li naħdmu fuq l-attitudnijiet ta’ nies li, minkejja l-avvanzi fil-leġislazzjoni u fil-politika, xorta waħda d-diversità fil-bnedmin jibqgħu jarawha bħalha xi ħaġa li jistgħu jwaqqgħuha għaċ-ċajt, bil-ħsara kollha li din l-imġieba taghmel lill-vittmi. Dan nikkundannah bla riżervi,” sostniet Dalli. 

Dritt li tista’ tkun dak li inti bla xkiel

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza spjegat li, li tkun LGBTIQ mhix xi ideoloġija, bħalma qegħdin jgħidu xi wħud, imma hija n-natura diversa tal-persuni umani. Għaldaqstant qalet li kummenti, speċjalment minn politiċi, li jgħidu li huwa ħażin li tittieħed azzjoni fuq min iqis u jaġixxi fuq il-komunità LGBTIQ+ bħallikieku din xi ideoloġija, tkompli tagħmel il-ħsara lil dawn in-nies u lis-soċjetà.

“Dan kollu seħħ ftit mumenti wara li niedejt l-istrateġija Ewropea għall-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ+, strateġija li tindirizza l-oqsma kollha tal-ħajja, id-dritt li tista’ tkun dak li inti bla xkiel. Fiha u fl-istrateġija għall-Ugwaljanza Bejn in-Nisa u l-Irġiel, nemfasizza wkoll id-dritt li persuna tikkontesta l-elezzjoni u l-bżonn li jkollna aktar nisa fil-politika biex nimxu lejn tmexxija ekwa,” kompliet Helena Dalli. 

Hija esprimiet solidarjetà ma’ Angela Coleiro u ma’ kull min jispiċċa attakkat għax hija dik li hija, jew huwa dak li huwa. Dalli saħqet li fil-każ tagħha u f’każijiet ta’ persuni oħra b’passat ta’ tranżizzjoni, għandna nirrikonoxxu l-ġeneru tagħhom mingħajr tlaqliq fejn żiedet tgħid li persuna trans li tidentifika bħala mara, hija mara; persuna trans li jidentifika bħala raġel, huwa raġel u għaldaqstant mhix xi ħaġa diffiċli biex wieħed jifhimha.

Il-Kummissarju Ewropew innotat li dan l-episodju mhux xi ħaġa rari u mhux fil-konfront tan-nies trans biss, anke fis-soċjetà tagħna fejn sar tant progress fil-qasam tal-libertajiet ċivili. Hija semmiet il-każ ta’ Gabriella Cassar li ftit tal-jiem ilu sfat umiljata minn uffiċjal fl-isptar meta marret għal appuntament fid-dipartiment tal-ġinekoloġija. Dalli qalet li bħala pajjiż għandna lkoll nikkonfrontaw tali attitudnijiet meta niltaqgħu magħhom. 

“Nuru solidarjetà ma’ ħutna trans”

“Mhux biżżejjed li ngħidu li ‘mhux sew’ f’qalbna. Għandna nuru s-solidarjetà tagħna ma’ ħutna trans u oħrajn li jisfaw vittmi tal-preġudizzji ta’ wħud fostna,  billi nkunu aħna li nuru d-diżapprovazzjoni tagħna meta nisimgħu kummenti mhux xierqa. Huwa f’dan l-ispirtu li qiegħda nitkellem,” kompliet Dalli.

Il-persuni LGBTIQ+ huma parti mid-diversità tal-umanità u parti mis-soċjetà tagħna, mill-familji tagħna u mill-partiti tagħna. Dalli fakkret li Malta għamlet ħafna progress u s-servejs Ewropej dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTIQ+ juru dan, imma spiss fil-ħajja mhux il-ħafna tajjeb li jikkundizzjonana, imma dawk l-attakki li jiċħdulna l-umanità tagħna. 

Il-kummenti tagħha dwar li l-Istrateġija għall-Ugwaljanza tal-Persuni LGBTIQ+ u l-fatt li qegħdin jimbuttaw biex il-kwistjonijiet LGBTIQ+ ikunu inklużi fl-ambitu tal-kundizzjonalità għall-fondi Ewropej mal-gazzetta “Politico”, kienu rapportati wkoll fil-ġurnali Maltin. Il-punt ta’ Helena Dalli huwa li dawk li jiddiskriminaw u jinsistu li jibqgħu jagħmlu hekk, għandhom iħallsu ta’ għemilhom. Hija qalet li l-kummenti tagħha kienu għall-istati membri, imma dan jgħodd ukoll għall-individwi.

“Huwa għalhekk li huwa importanti ħafna li l-abbozz ta’ liġi tal-ugwaljanza ta’ Malta jkun avvanzat lejn l-istadji finali tiegħu biex jissaħħu l-protezzjonijiet legali kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll kontra d-diskors ta’ mibegħda, fost  oħrajn,” temmet il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza.

Share With: