Madwar €6.5m investiti fil-lokalitajiet tax-Xlokk u l-Majjistral ta’ Malta u l-lokalitajiet Għawdxin permezz tal-programm LEADER

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt żjara lil  Salesian Brigade fil-Park tal-Majjistral, wieħed mill-benefiċjarji tal-GAL MAJJISTRAL,  spjega kif il-programm LEADER jappoġġja l-gruppi ta’ GAL XLOKK, GAL MAJJISTRAL u GAL GOZO biex jgħinu lil għaqdiet volontarji u kunsilli lokali jagħmlu proġetti li jħallu  impatt pożittiv dirett fuq in-nies ta’ dawn iż-żoni. 

Dan il-programm ta l-opportunità lil Gruppi tal-Azzjoni Lokali (GALs) biex jagħmlu diversi  laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders biex finalment fasslu strateġija għat-territorji tax Xlokk, il-Majjistral u Għawdex. Minn din l-istrateġija ħarġu diversi miżuri li permezz tagħhom  ingħataw fondi lil għaqdiet volontarji, kunsilli lokali u entitajiet privati żgħar biex jissottomettu  proġetti favur il-lokalitajiet. Dawn il-fondi qed jiġu amministrati mill-gruppi tal-azzjoni lokali  stess. 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dawn il-miżuri  msemmija setgħet issir bidla pożittiva fil-lokalitajiet rispettivi ta’ kull reġjun. Huwa saħaq li l importanza ta’ dawn il-fondi tinħass ukoll fuq bażi nazzjonali, għax qed isir investiment fil wirt kulturali, filwaqt li qed nippromwovu aktar proġetti favur infrastruttura ħadra. Hu stqarr  li permezz ta’ dawn il-fondi, l-għaqdiet u l-kunsilli lokali qed ikomplu jingħataw riżorsi biex  iwettqu aktar proġetti siewja fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin. 

Dr Philip Von Brockdroff, li huwa Chairman ta’ Gal Xlokk, spejga kif s’issa ġew iffirmati 63  kuntratt ma’ benefiċjarji. Hu saħaq li din il-fondazzjoni tagħti opportunitajiet lil kunsilli lokali  u diversi għaqdiet, iżda rrikonoxxa l-importanza tat-tradizzjonijiet tal-festi għall-lokalitajiet  fix-Xlokk. Dr Von Brockdroff stqarr li ħabba f’hekk jinkoraġġixxu l-każini tal-baned u  għaqdiet soċjali oħrajn biex japplikaw għal dawn il-fondi sabiex jiġi preservat il-wirt kulturali  Malti. 

Is-Sur Eman Vella, li huwa Chairman ta’ Gal Majjistral, stqarr li fl-operat tagħhom dejjem  semgħu l-bżonnijiet tal-komunitajiet tagħhom u l-istrateġija tagħhom ġiet imfassla permezz ta’  bottom-up-approach. Huwa spjega kif l-applikazzjonijiet għall-miżuri li jistgħu japplikaw  għalihom għaqdiet u kunsilli lokali jibqgħu dejjem miftuħa, u fl-aħħar ġimgħa ta’ kull xahar  jinġabru biex jiġu evalwati mill-bord tal-għażla.

Is-Sur Joe Cordina, li huwa Chairman ta’ Gal Gozo, spjega kif il-Fondazzjoni Gozo Action  Group tkopri l-kunsilli lokali kollha ta’ Għawdex, il-Gozo Business Chamber, Gozo Tourism  Association, Gozo Confederation for Agriculture and Fisheries u lill-Assoċjazzjoni tal Volontarji Għawdxin. Flimkien, huma fasslu strateġija, filwaqt li fetħu l-applikazzjonijiet li  setgħu japplikaw għalihom il-partijiet interessati biex jesprimu u jiżviluppaw proġetti li ma  jistgħux jiġu finanzjati permezz ta’ programmi oħra. 

Il-programm LEADER qed jgħin biex ikompli jigi riġenerat l-aspett rurali ta’ Għawdex, permezz ta’ proġetti li jagħmluha aktar attraenti u ekonomikament sostenibbli fit-tul. 

Kull Grupp tal-Azzjoni Lokali jingħata fondi għall-proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali.  Dawn ikunu proġetti li jieħdu sehem fihom anke pajjiżi oħra sabiex il-gruppi ta’ azzjoni lokali  (GAL) jkunu jistgħu jtejbu l-għarfien tagħhom billi jitgħallmu minn esperjenzi ta’ pajjiżi  oħrajn. 

Għal aktar informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għal dawn il-miżuri, l-għaqdiet u l-kunsilli  lokali jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ Gal Xlokk, Gal Majjistral u Gal Gozo skont il-lokalitajiet  rispettivi tagħhom, kif huma indikati hawn isfel; 

Benefiċjarji f’Ħal Qormi, Ħal Luqa, Ħal Safi, Qrendi, Żurrieq, Mqabba, Birżebbuġa,  Marsaxlokk, Ħal Għaxaq, Żejtun, Gudja, Xgħajra, Kalkara, Marsascala, Santa Luċija, Ħaż  Żabbar u Ħal Kirkop jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Gal Xlokk permezz tal email; info@galxlokk.com jew fuq in-numru + 356 2099 8008. 

Benefiċjarji fl-Imtarfa, Siġġiewi, Mellieħa, Ħal Għargħur, Ħ’Attard, Iklin, Naxxar, San  Ġwann, Ħad Dingli, Ħaż-Żebbuġ, Mosta, Swieqi, Rabat, Imdina, San Pawl il-Baħar u l-Imġarr jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ Gal Majjistral permezz tal-email; galmajjistral@gmail.com jew  fuq in-numri +35620992080 u +35699460152. 

Benefiċjarji f’Għawdex jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ Gal Gozo permezz tal-email;  info@leadergozo.eu jew fuq in-numru +356) 2155 0322.

Share With: