Malta se tibda tippubblika l-ismijiet ta’ min titteħidlu ċ-ċittadinanza

Malta se tkun qed tippubblika l-ismijiet ta’ dawk il-barranin li titteħdilhom iċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna.

Dan se jsir bħala parti mill-bidla li l-Gvern se jkun qed jagħmel fil-qafas legali ġdid għall-għoti taċ-ċittadinanza hekk kif dak preċedenti, magħruf bħala Programm ta’ Investiment Individwali (IIP), issa se jkun qed jiġi fi tmiemu.

L-IIP għalaq f’Awwissu li għadda madankollu għadhom qed jiġu ipproċessati dawk li laħqu applikaw.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u Komunitajiet Alex Muscat spjega lill-media kif il-qafas legali ġdid se jkun ippubblikat il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru.

Fil-programm il-ġdid biex persuna barranija tapplika għaċ-ċittadinza trid tkun qattgħet numru ta’ ġimgħat f’pajjiżna anke jekk mhux se jkun hemm minimu jew massimu minħabba tal-perjodu li jridu jgħixu fostna minħabba li dan imur kontra d-dritt li persuna tivvjaġġa fl-istati membri.

Il-qafas legali ġdid jaħseb ukoll għat-twaqqif ta’ dik li se tkun qed tissejjaħ Komunità Malta li se tieħu ħsieb iċ-ċittadinanzi li jagħti l-pajjiż.

In-numru ta’ applikanti li se jingħataw ċittadinanza b’dan il-mod il-ġdid se jkun ta’ 1,500 b’mhux aktar minn 400 fis-sena.

Muscat qal li l-qafas legali għandu jindirizza t-tħassib li l-Kummissjoni Ewropea (KE) kellha dwar l-IIP u li se jkun simili għal dak ta’ stati oħra membri.

Dwar il-proċedura li fetħet il-KE irrimarka li Malta daqt tibgħat ir-risposta għall-ittra uffiċjali li din ħarġet u għamilha ċara li Malta lesta tibqa’ tiddefendi l-pożizzjoni tagħha anke jekk il-KE tieħu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Dan għaliex temmen li bħal fil-każ tat-tassazzjoni l-kwistjoni taċ-ċittadinanza għandha tibqa’ f’idejn kull stat.

Muscat spjega kif fl-IIP applikaw mal-2,000 barrani li minnhom ġew aċċettati dawk ta’ madwar 1,500.

Dan ifisser li Malta rrifjutat 25% tal-applikazzjonijiet kollha u minbarra li kien hemm żewġ persuni li tteħditilhom iċ-ċittadinanza hemm tnejn oħra li għaddejja investigazzjoni dwarhom bil-possibilità li anke huma jitilfuha.

Muscat żied li mhux sew li applikazzjonijiet li ġew rifjutati minn Malta kienu aċċettati minn pajjiżi oħra tal-UE, fosthom Ċipru, għax temmen li  applikazzjoni rifjutata f’pajjiż għandha tkun rifjutata fl-istati membri l-oħra.

Share With: