Mijiet jevakwaw wara l-iżbroff ta’ vulkan fl-Indonesja

Vulkan li żbroffa fl-Indonesja wassal għall-evakwazzjoni ta’ aktar minn 2,700 persuna li kienu sfurzati jfittxu rifuġju.

Il-kelliem għad-diżastri naturali fil-pajjiż Raditya Jati qal fi stqarrija li Mount Ile Lewtolok li jinsab madwar 2,600 Kilometru fil-Lvant tal-kapitali ta’ Jakarta, kkawża paniku fost dawk li joqogħdu fil-viċinanzi.

L-Indonesja huwa l-pajjiż bl-akbar ammont ta’ vulkani u filwaqt li ħafna juru livelli għoljin ta’ attività vulkanika, jistgħu jieħdu ġimgħat jew xhur sakemm dawn jiżbruffaw.

Fortunatament minkejja dawn l-ammont ta’ persuni li spiċċaw jaħarbu minn djarhom biex isalvaw, jidher li ma kienx hemm rapporti ta’ persuni li tilfu ħajjithom.

Fl-Indonesja hemm tliet vulkani ta’ dan il-livell u dawn jinkludu l-vulkan Merapi, li jinsab fuq il-gżira ta’ Java u Sinabung fuq Sumatra li żbroffa dan ix-xahar stess.

Share With: