“Miraklu li rkuprajt” … It-tabib Ferriggi bl-ewwel messaġġ wara perjodu jissielet għal ħajtu

“Nirringrazzja lil Alla kuljum, iżda l-perjodu ta’ rkupru se jtul numru ta’ ġimgħat”. Hekk beda biex jikteb it-tabib Rabti Joe Ferriggi fl-ewwel kitba tiegħu fuq Facebook wara jiem jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.

It-tabib Ferriggi rringrazzja lil kull minn ħaseb fih fit-talb tiegħu, u jħossu obbligat li jfaħħar lil Alla fil-kitbiet tiegħu fuq Facebook. Żied jgħid li jittama li l-pubbliku jifhem, li se jkollu jagħmel diversi ġimgħat jistrieħ wara l-perjodu diffiċli li għadda minnu. Qal ukoll li jħoss li kien “miraklu” li rkupra mis-sitwazzjoni li kien fiha u li għalkemm hu dgħajjef u se jkun qiegħed jiddependi ħafna minn qrabatu, se jagħmel minn kollox biex iżomm kuntatt man-nies permezz tal-kitbiet tiegħu ta’ kuljum fuq il-profil tiegħu.

Intant għalissa huwa għamilha ċara li minħabba d-dgħufija tiegħu, mhux se jkun f’pożizzjoni li jwieġeb ebda messaġġ jew telefonati f’dan il-perjodu tant importanti għalih biex jirkupra saħħtu mill-ġdid.

Share With: