“Pass fid-direzzjoni t-tajba”

Josef Bugeja dwar id-direttiva mressqa fil-Parlament Ewropew biex tagħti drittijiet u rikonoxximent lill-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali

Minn – MARIA AZZOPRADI

Il-grupp tax-Xellug fil-Parlament Ewropew li jissejjaħ ‘Group of the European United Left – Nordic Green Left’ qed iressaq it-test għal direttiva tal-UE biex tagħti drittijiet u rikonoxximent lill-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali fl-hekk imsejħa gig economy. Din id-Direttiva tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema tal-pjattaforma diġitali billi ġġib l-istess id-drittijiet tax-xogħol u soċjali tagħhom ma’ dawk tal-ħaddiema l-oħra kollha.

Il-MPE Leïla Chaibi, li ressqet id-direttiva proposta, qalet: “Fi sforz biex iżommu l-ispejjeż baxxi, u l-profitti għoljin, kumpaniji bħal Uber u Deliveroo jridu li l-ħaddiema tagħhom jibqgħu prekarji, fi stat simili għal impjieg indipendenti jew freelancing. Dawn il-ħaddiema jistħoqqilhom aħjar. Hija meħtieġa direttiva tal-Unjoni Ewropea.” Hija qalet ukoll li ħafna, minkejja li jaħdmu sigħat eċċessivi f’kundizzjonijiet ta’ xogħol ħżiena, xorta jitħabtu biex jaqilgħu pagi deċenti.

Id-direttiva mressqa tinnota li mingħajr kuntratti ta’ impjieg, il-platform workers ma jistgħux jagħmlu użu mid-drittijiet u benefiċċji mnaqqxa fil-liġi tax-xogħol. Dan huwa l-każ kemm għad-drittijiet individwali tagħhom b’mod partikolari regoli dwar ir-remunerazzjoni, il-ħin tax-xogħol, u l-leave, fost l-oħrajn, u d-drittijiet kollettivi tagħhom, bħal-libertà ta’ assoċjazzjoni.

B’reazzjoni għal din id-direttiva li qed tiġi mressqa, inewsmalta.com tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja fejn sostna li huwa żgur pass fid-direzzjoni t-tajba il-fatt li jkun hemm direttiva għax jeħtieġ li lil dawn il-persuni ntuhom l-istat ta’ ħaddiem. Huwa qal li huwa żgur li dawn il-forom ġodda ta’ impjieg jeħtieġ li jiġu indirizzati u għalhekk din id-direttiva li qed tiġi mressqa tagħti rikonoxximent lil dawn il-forom ta’ impjiegi. Bugeja aċċenna għall-fatt li bħala Malta qed naħdmu biex dawn il-ħaddiema jingħataw l-istess drittijiet. Żied jgħid iżda li l-fatt li jrid jintlaħaq qbil bejn il-pajjiżi, toħloq ċertu element ta’ xettiċiżmu.

“F’impjiegi tradizzjonali hemm relazzjoni ekonomika bejn il-ħaddiem u min iħaddem. Issa dawn tal-gig economy m’għandhomx din. Konna fuq workshop riċentament u dawn qalu ‘għax nixtru s-servizz’ ta’ xi ħadd u mhux inħaddem lil dik il-persuna u dik tagħmel distinzjoni kbira. B’dik il-frażi ta’ ‘nixtru s-servizz’ inkunu qed inneżżgħu kompletament mid-drittijiet, il-kundizzjonijiet u l-benefiċċji kollha tiegħek,” qal Bugeja.

Bugeja tkellem ukoll dwar aspett ieħor li huwa kif se ddaħħal dawn il-ħaddiema f’unjin. “Għandhom dritt għar-rappreżentanza jekk il-kelma trade union hija organizzazzjoni ta’ ħaddiema għall-ħaddiema? Huma ħaddiema? Għandhom sick leave, leave, bonus, allowances, u l-affarijiet kollha? Dawn m’għandhom xejn. Ta li taħdem titħallas u titħallas mhux paga minima iżda b’commission.”

F’dinja tax-xogħol li kulma jmur qed tinbidel peress li din mhix waħda statika, fejn minkejja li forsi ħafna mill-impjegati huwa taħt forma tradizzjonali, qed jinħolqu wkoll forom ġodda li anke f’pajjiżna qed isiru dejjem aktar popolari.

Il-GWU ilha titkellem, sa minn qabel il-pandemija, dwar diversi kumpaniji u impjiegi hekk imsejħa platform economies, fejn ikollok applikazzjonijiet tad-deliveries u taxies, fost l-oħrajn, li jħadmu diversi ħaddiema iżda mhumiex impjegati magħhom. Peress li l-applikazzjoni hija biss interlokutur bejn il-konsumatur u min jipprovdi s-servizz, li jfisser li tagħti l-faċilità li ż-żewġ partijiet jiltaqgħu flimkien, toħloq id-domanda dwar lil min jistgħu jfittxu dawn il-ħaddiema f’każ li xi ħadd minnhom iweġġa’ waqt ix-xogħol. Huwa proprju għalhekk li bħala GWU temmen li hemm bżonn li jsir qafas leġiżlattiv li jkoprihom. Reċentement, waqt laqgħa li kellha mal-Ministru Carmelo Abela, il-GWU tkellmet dwar il-ħtieġa immedjata li jkollna leġislazzjoni biex dawn il-persuni jkunu koperti u ikkonsidrati bħal persuni.     

Il-GWU temmen ukoll li jeħtieġ li jkun hemm parametri stabiliti biex min jagħżel li jmur f’dawn il-forom ġodda ikollhom il-kundizzjonijiet bażiċi inkluż id-dritt tal-assoċojazzjoni. Għal din ir-raġuni, f’dawn il-forom ta’ impjiegi bi dritt iridu jkunu f’unjin biex jingħataw vuċi dwar dak kollu li qed isir u biex il-kundizzjonijiet tagħhom jiġu mħarsa.

Share With: