Passiġġiera tirbaħ €20,924 lil xufier wara inċident

Tfajla li kienet f’karozza ma’ ġuvni u żewġ passiġġieri oħra meta seħħ inċident tat-traffiku rebħitlu €20,924 wara li mħallef żammu responsabbli għall-ġrieħi li sofriet.

Natashia Bouvett fetħet il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Bjorn Grima fejn żammitu responsabbli għall-inċident li kien seħħ fil-5 ta’ Awwissu 2015 f’Birżebbuġa.

Grima kien qed isuq vettura tal-għamla VW Golf mentri Bouvett kienet passiġġieri fuq wara.

Fil-karozza kien hemm ukoll Consielle Lia u Sarah Bouvett, tal-ewwel ħabiba tal-vittma u tat-tieni kuġintha.

Mill-provi li tressqu rriżulta li waqt li kien għaddej minn Triq Ħal Far Grima qabeż xi karozza u baqa dieħel f’vettura mbagħad f’oħra.

Bid-daqqa Bouvett sofriet ġrieħi gravi u għamlet żmien l-isptar fil-periklu tal-mewt.

Grima tressaq fil-Qorti Kriminali, instab ħati u kien immultat €2,500 waqt li kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sitt xhur.

Quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff it-tfajla sostniet li hija kienet rieqda meta semgħet “Ara hemm Bjorn” u seħħ l-impatt waqt li ammettiet li ma kinitx liebsa ċ-ċintorin tas-sigurtà

Grima ċaħad li ipprova jaqbeż bi ksuħat u nsista li ma kienx hemm vetturi ġejjin mid-direzzjoni opposta waqt li sostna li oħt il-vittma qaltlu li jekk jagħtiha €3,000 kienet taħfirlu.

Fost dawk li xehdu fil-kawża ċivili kien hemm anke Carmelo Dalli u Christabelle Spiteri li kienu fil-karozza li kienet ġejja minn faċċata u li baqa’ dieħel fiha Grima kif ukoll il-koppja Kurt u Josette Sciortino li kienu għaddejjin fil-karozza quddiem Grima u wkoll kienu involuti fl-inċident fejn sostnew li huwa kien qed isuq b’veloċità eċċessiva.

Wara li sema dawn ix-xhieda l-Imħallef Mintoff iddikjara li l-inċident seħħ minħabba li Grima naqas li josserva l-liġijiet tat-traffiku u għalhekk żammu responsabbli.

Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens huwa qies, fost oħrajn, il-fatt li dakinhar Bouvett kellha 16-il sena u li sofriet diżabilitża permanenti ta’ 8% biex wasal għall-ammont €20,924.

Share With: