Paul Ince jitkellem dwar Manchester Utd u Paul Pogba

L-ex player ta’ nofs il-ground ta’ Manchester United Paul Ince tkellem dwar ir-Red Devils, il-forma preżenti li għaddejjin minnha u anke fuq il-player internazzjonali Franċiż Paul Pogba. Dwar dan tal-aħħar, Ince deher ferm irrabjat u fuq kollox kellu ton ta’ kritika lejh hekk kif sostna li Pogba qala’ ħafna problemi ma’ Manchester United.

Ince, li llum il-ġurnata għandu 53 sena, sostna li hemm bżonn li l-player ta’ 27 sena jpoġġu saqajh mal-art u jaħdem u jiskorja l-goals aktar milli jġib ħafna skużi.

Ince qal li ħafna segwaċi ta’ Manchester United ilhom jistaqsu bosta mistoqsijiet dwar il-forma ta’ Pogba u saħansitra qal li s-somma ta’ £89 miljun li kienu investiti fih meta xtrawh mingħand Juventus sarulhom “duħħan”. Fil-fatt ħafna kkunsidraw lil Pogba bħala player li seta’ jagħti xi ħaġa żejda lir-Red Devils iżda minn dan kollu ma ġara xejn

L-ex midfielder internazzjonali Ingliż sostna li Pogba qatt ma daħal b’mod kollettiv mat-team tiegħu u dan effettwa mhux ħażin il-progress tat-team.

Ince sostna li ma jagħtix tort lill-coach Ole Gunnar Solskjaer li ma jsibx post għal Pogba u jispiċċa jħallih fuq il-bank tas-sostituti minħabba li l-player hu ferm diffiċli biex tifhmu.

Fil-fatt fil-logħba tal-bieraħ li r-Red Devils lagħbu kontra Istanbul Basaksehir u li tilfu bl-iskor ta’ 2-1, Pogba ma kienx inkluż fl-ewwel ħdax u daħal tard fit-tieni taqsima.

Paul Ince qal li ma jagħmilx sens li tagħmel investiment bħal dak u m’hu qed tieħu xejn mingħandu.

Finalment Ince qal li wieħed ma jistax jipparaguna dak li għamel Pogba ma’ Juventus għal dak li qed jagħmel ma’ Manchester United minħabba li hemm żewġ realtajiet differenti bejn iż-żewġ timijiet.

Ince lagħab ma’ Manchester United bejn l-1989 u l-1995 u skorja 25 goal f’206 partiti.

Share With: