Pep Guardiola jġedded il-kuntratt ma’ Man City b’sentejn

Pep Guardiola temm kull spekulazzjoni rigward il-futur tiegħu ma’ Manchester City meta ġedded il-kuntratt tiegħu mal-Blues b’sentejn oħra.

Il-kuntratt ta’ Gurdiola mal-club minn Manchester kien jiskadi fi tmiem dan l-istaġun u kien qed jiġi ssuġġerit li l-manager Spanjol kien se jmur jaħdem f’La Liga.

Iżda l-manager ta’ 49 sena issa laħaq ftehim mat-team mill-Ethad Stadium li se jkun qed ifsser li se jkun qed jibqa’ fit-tmun tagħhom sa minn tal-inqas l-2023.

L-ex manager ta’ Barcelona u Bayern Munich jinsab f’nofs il-ħames staġun tiegħu fil-Premier League ma’ Man City u dan il-kuntratt ġdid se jkun qed ifisser estensjoni ta’ dik li sa issa hija l-itwal esperjenza tiegħu fil-football ma’ kwalunkwe club.

Ma’ Man City, huwa rebaħ żewġ Premier Leagues, tliet League Cups u FA Cup, għalkemm qatt ma rnexxielu jirbaħ l-objettiv ewlieni ta’ Man City jiġifieri l-UEFA Champions League.

Fi kliem Guardiola nnifsu: “Sa minn meta ġejt ingaġġat bħala manager ta’ Manchester City, ħassejtni ferm milqugħ kemm mill-club kif ukoll mill-belt ta’ Manchester – mill-players, l-istaff, il-partitarji, in-nies ta’ Manchester u anke miċ-chairman u s-sid tal-club. Kien dan li ħeġġiġni biex nestendi l-esperjenza tiegħi mal-Blues.”

Share With: