POLARIZZATI

Miktub minn ALFRED SANT

Il-kulur tax-“xellugin” hu ikħal; tal-“konservattivi” aħmar. Tal-ewwel jintwerew bħala ħmir fil-karikaturi popolari; tat-tieni bħala iljunfanti. Huma politikament feroċi lejn xulxin.

Fl-Istati Uniti il-ħmar u l-iljunfant ma jċedux xiber lil xulxin, fl-ebda qasam u tista’ tgħid fl-ebda ċirkostanza. Forsi l-aħħar (l-unika?) darba fejn seħħet tassew għaqda nazzjonali kien wara l-attakk terroristiku fi New York u Washington f’Settembru 2001. Aktar minn hekk xejn.

Fl-aħħar snin, Donald Trump deher iħarrax il-konfront politiku. Għamel hekk, aktar bil-kliem milli b’azzjonijiet aqwa milli soltu jsiru fil-politika Amerikana.

Minkejja dan, ta’ spiss iż-żewġ naħat jaslu biex “flimkien” jieħdu deċiżjonijiet kruċjali quddiem kriżijiet li jinqalgħu. Dan għax is-sistema federali Amerikana taħt presidenza eżekuttiva iġġagħalhom jiftehmu, inkella jispiċċaw skreditati mal-elettorat.  Fl-istess ħin, tagħti “xi ħaġa” li kulħadd fi ftehim li jsir. Ir-rebbieħ ma jieħux kollox hu.

Differenza oħra fil-polarizzazzjoni Amerikana minn dik f’Malta: proporzjon qawwi ta’ ċittadini ma jinteressaw ruħhom xejn fil-politika, anke fi żmien elezzjonijiet.

STRATEĠIJA DIĠITALI

L-Unjoni Ewropea qed tagħmel tajjeb li tippromwovi l-hekk imsejħa strateġija diġitali – sforz biex jinġabru flimkien l-aspetti kollha tat-tmexxija soċjali u ekonomika li huma affettwati mit-teknoloġija dejjem tavvanza ta’ kif u għalxiex il-kompjuters jintużaw. 

  Imbagħad l-isforz hu maħsub li jkompli jagħfas ħalli jsiru aktar kisbiet u fuq front wiesa’ diġitali l-Unjoni Ewropea tissaħħaħ u tkun fuq quddiem biex iddaħħal avvanzi dejjem usa’.

L-aktar li qed insegwi dan l-isforz mill-Parlament Ewropew hu fil-qasam finanzjarju u bankarju. Pereżempju sfida li ma tridx tintesa hi biex is-sistemi li bihom jintużaw il-kompjuters ikunu mħarsa minn kull sabotaġġ. Mhux faċli. Daqskemm aħna u ta’ warajna se nkunu qed niddependu dejjem aktar mill-magni elettroniċi li għad jiddominawlna ħajjitna, daqshekk ieħor se nkunu vulnerabbli għal min iħarbat is-sistemi li bihom joperaw l-aġenti diġitali li nużaw. 

KOTBA 

Fi żmien fejn qed issir ċelebrazzjoni tal-kotba terġa’ tqum il-mistoqsija – il-kotba saru prodott skadut?

Għal xi ħadd bħali li ili snin twal issa, nikkollezzjona l-kotba, din il-misotqsija ftit tinkwieta. Dawk iżda li fil-qasam edukattiv u kulturali jifhmu kemm il-qari tal-kotba jagħmel ġid fl-iżvilupp u fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini bir-raġun jinkwetaw kif il-mezzi elettroniċi ta’ kumnikazzjoni komplew inaqqsu fost il-poplu tagħna l-ġibda, li dejjem kienet fjakka, lejn il-qari.

Biss fil-verità, il-qari fostna ma naqasx fl-aħħar snin, anzi żdied. Fejn qabel ħafna ħin kien “jinħela” f’telefonati ma jispiċċaw qatt, issa l-istess ħin u aktar qed jintuża fil-kitba u fuq kollox fil-qari… ta’ messaġġi elettroniċi, jekk mhux kotba… 

Share With: