Pulizija fl-inkwiet wara li bagħat ritratt provokanti

Eks-kuntistabbli tal-Pulizija spiċċa investigat wara li bagħat ritratt tal-parti privata tiegħu lil raġel li għamilha taparsi ta’ ġuvni ta’ 17-il sena.

Ir-raġel, Jackson Micallef, spiċċa huwa mressaq fil-Qorti tal-Maġistrati wara li l-Pulizija rriżultalha li kien ftiehem ma’ ieħor biex idaħħluh lill-kuntistabbli f’nasba wara diżgwid li kellhom bejniethom.

Micallef kien mixli li fig-23 ta’ Ottubru 2015, u fix-xhur ta’ qabel, ħoloq fatt jew ċirkostanzi biex ikunu jistgħu jintużaw kontra dan il-kuntistabbli.

Mill-provi rriżulta li Micallef ikkomunika ma’ dan il-pulizija fuq Grindr, sit elettroniku ntiż biex ilaqqa’ persuni gay u bisesswali.

It-tnejn li huma bdew jikkomunikaw permezz taċ-chats u d-diskors beda jsir ta’ natura sesswali.

Micallef stieden lill-pulizija jibgħatlu ritratt tal-parti ġenitali tiegħu u l-kuntisabbli waqa’ għal dan in-nassa.

L-akkużat anke niżżel ritratti ta’ persuni oħra minn fuq Facebook biex jippreżenta profil fittizju lill-pulizija.

Micallef għadda r-ritratti tal-pulizija lil Eugene Cutajar Forte li għaddihom lil pulizija ieħor u kien hawn li nfetħet inkjesta maġisterjali biex jiġi stabbilit jekk il-kuntistabbli kellux relazzjoni sesswali ma’ tifel taħt l-età.

Il-Pulizija skopriet x’ġara u ressqet lil Micallef fil-Qorti fejn dan instab ħati u kien ikkundannat tliet snin ħabs.

Micallef appella imma l-Imħallef Edwina Grima ikkonfermat il-ħtija madankollu ikkonkludiet li kien ħaqqu tnaqqis fil-piena biex jingħata opportunità oħra.

Kien għalhekk li minn tliet snin ħabs ikkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Hija ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-aġir ta’ Cutajar Forte f’dan il-każ.

Il-prosekuzzjoni f’din il-kawża tmexxiet mill-Ispetturi Sylvana Briffa, John Spiteri u Paula Ciantar.

Share With: