“Qalbna mhux se tistrieħ sakemm nirċievu telefonata li t-tifla nstabet”

Miktub minn Maria Azzopardi

“Li nistgħu nagħmlu qegħdin nagħmluh imma sakemm tirċievi dik it-telefonata li tgħidlek ‘isma nstabet it-tifla’ qalbek mhux se tistrieħ. Qatt mhu se nistrieħu qabel ma nkunu nafu li din it-tifla allinqas qiegħda sikura u li għandha l-affarijiet kollha li tifla ta’ seba’ snin għandha bżonn. Aħna l-iktar li rrabbjati minħabba l-fatt li kif jista’ jkun li toħroġ minorenni b’passaport falz minn Malta? Qegħdin fis-sena 2020 meta hemm dak l-apparat kollu mbagħad tifla ta’ seba’ snin ħalluha toħroġ b’passaport falz. Dawn huma affarijiet tal-mistħija u ma jistgħux jibqgħu jsiru.”

Dawn kienu wħud mill-kummenti li l-foster parent tat-tifla ta’ seba’ snin li  tħarrbet minn Malta qalet lil inewsmalta. It-tifla, li kienet tinsab taħt ordni ta’ ħarsien, allegatament tħarrbet minn Malta minn ommha. 

“Ilni ma nisma’ leħen it-tifla mill-11 ta’ Ottubru”

“Jiena bgħatt lit-tifla normali u dakinhar ġiet ommha bħas-soltu. Issa t-tifla kienet se tibda skola u għidtilha biex tagħmilli pjaċir biex ladarba kienet se tkun barra tgħaddi tixtrilha slipper. Telqet u l-Ġimgħa kellimtha normali. Anke s-Sibt kellimtha wkoll u urietni l-islipper li xtrat għall-iskola u mbagħad mis-Sibt filgħaxija nqata’ l-kuntatt. Intefa’ l-mobile. Imma qatt ma għaddietli minn moħħi li din tista’ taħrab. Anzi jien għedt li forsi l-omm kienet mal-boyfriend tagħha, forsi waqgħet il-batterija tal-mobile. Imbagħad ġie l-Ħadd filgħaxija, għadha ma ġietx u l-mobile mitfi. It-Tnejn filgħodu l-ewwel ħaġa li għamilna ċempilna biex ngħidu li t-tifla ma ġietx id-dar. Ilni ma nisma’ leħen it-tifla mill-11 ta’ Ottubru,” irrakkontat b’emozzjoni din il-foster parent. 

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali kkonferma li nhar it-Tnejn 12 ta’ Ottubru 2020, id-Direttorat għall-Kura Alternattiva kien infurmat mill-foster family li l-omm naqset milli tirritorna lill-minuri d-dar. Tard waranofsinhar fl-istess ġurnata, il-pulizija infurmat lid-Direttorat li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew. Id-Direttorat tat-Tfal tkellem ukoll mal-uffiċċju tal-immigrazzjoni fl-ajruport ta’ Malta fejn irriżulta li t-tifla siefret b’mod illegali. Sadanittant il-pulizija tkellmet ukoll mal-Europol biex tassisti fuq il-każ.

“Kieku qiegħda hemm kieku diġà qtajt il-biljett u tlaqt insibha”

Il-foster parent qalet li mhux minnu li t-tifla qiegħda l-Ġermanja u li sa issa għadu ħadd ma llokalizzaha. “Kieku qiegħda hemm kieku diġà qtajt il-biljett u tlaqt insibha lil din it-tifla. Din hija informazzjoni żbaljata li t-tifla tinsab il-Ġermanja għax lanqas il-Pulizija ma jafu fejn qiegħda. Huma identifikaw fejn waslet bl-ajruplan imma ma identifikawx fejn qiegħda t-tifla. Ħadd ma llokalizza fejn qiegħda t-tifla,” qalet il-foster parent filwaqt li żiedet tgħid li nhar is-Sibt hija kienet f’kuntatt mal-avukata tagħha, mal-Vice Squad u mal-Appoġġ. Hija żiedet tgħid li malli raw l-aħbar li tgħid li t-tifla kienet tinsab il-Ġermanja, tbellħu filwaqt li b’emozzjoni hija żiedet tgħid li bħalissa l-familja tinsab tassew imkissra. 

Il-foster parent qalet li t-tifla għadha maħruba u għadha mfittxija. “It-tifla mhix lokalizzata l-Ġermanja. La nafu jekk għadhiex fl-Ewropa u lanqas nafu jekk marritx barra mill-Ewropa. Ħadd ma jaf.”

Il-foster parent irrakkontat li darba kien hemm bord meeting u t-tifla qalet li tixtieq tqatta’ naqra iktar ħin ma’ ommha u tawha dan l-aċċess li jkollha dan il-ħin. Hija qalet: “Vera li kienu qegħdin jaħdmu biex ikun hemm ri-integrazzjoni mal-omm imma f’dan il-pjan konna mdaħħlin aħna fih għax aħna konna mdaħħlin li t-tifla xorta waħda tibqa’ l-ħin kollu magħna u fi tmiem il-ġimgħa tmur mal-omm. Jiġifieri għalkemm kien hemm pjan ta’ ri-integrazzjoni, aħna xorta waħda konna se nibqgħu fl-istorja. Ma kienx pjan li din it-tifla tmur 24/7 dejjem mal-omm. Qatt ma kien dak il-pjan u fl-ebda bord meeting ma ssemma’ dan il-pjan ta’ 24/7. Il-pjan kien li mit-Tnejn sal-Ġimgħa t-tifla tibqa’ magħna u tmur l-iskola u l-attivitajiet kollha li konna niħduha u fi tmiem il-ġimgħa tmur mal-omm.”

“Lit-tifla qatt ma ċaħħadtha milli titkellem mal-omm”

Fil-fatt, il-foster parent qalet li hija u omm it-tifla kienu qegħdin jagħmlu kors flimkien biex irabbu bl-istess mudell. Il-foster parent qalet li kienu jċemplu kuljum, jistaqsu kif inhuma u jitkellmu fuq it-tifla. Il-foster parent enfasizzat il-fatt li hija qatt ma qatgħet lil din il-mara minn ħajjitha u dejjem baqgħet iżżomm il-kuntatt. “Anke lit-tifla qatt ma ċaħħadtha milli titkellem mal-omm u dan anke waqt is-sitwazzjoni tal-coronavirus. Kuljum konna nċemplu fuq ‘Messenger’. Anke f’Jum l-Omm, ir-raġel ħadha tatiha l-fjuri lill-ommha. Jiġifieri qatt ma ċaħħadniha minn xejn. It-tifla vera kienet tmur fi tmiem il-ġimgħa mal-omm imma jekk ngħidlek li kienet iċċemplilna xi 15-il darba kuljum fuq messenger, ‘ma can you come for me? papa can you come for me?’ Dawn l-affarijiet irridu narawhom mhux naqbdu u ngħidu kien hemm pjan ta’ ri-integrazzjoni. Hemm ħafna affarijiet li ħadd ma jafhom.”

“It-tifla ma nafux x’sar minnha… sparixxiet”

Il-foster parent qalet li ma tafx x’jista’ jkun ġara għax qalet li l-omm kellha impjieg tajjeb u post fejn toqgħod f’Malta. “Ma nafx x’seta’ ġara biex setgħet tagħmel hekk. Din hemm tifla maħruba, ma nafux fejnha, la nafu jekk hix qiegħda tiekol, la naf jekk hix qiegħda tieħu l-edukazzjoni u lanqas nafu jekk forsi għandix bżonn xi mediċina … ma nafu xejn. L-affarijiet bażiċi qiegħda tiħodhom din it-tifla? Qiegħda tgħix kif suppost? Dawn huma mistoqsijiet li aħna kull ħin tal-ġurnata nsaqsu.”

Hija żiedet tgħid, “It-tifla ġiet ta’ sitt xhur għandi jiġifieri tista’ timmaġina..  jien rabbejtha. Sempliċiment baby book lanqas għandha ommha fuqha. Jiġifieri din jekk jiġrilha xi ħaġa, jekk għandha bżonn xi tilqim, lanqas taf x’tajniha u ma tajnihix għax kollox għandna aħna. Jiġifieri din m’għandha l-ebda għarfien fuq it-tifla fuq x’ġara u ma ġarax f’dawn is-sitt snin u nofs. Dawn huma affarijiet li lili, lir-raġel u lill-familja tagħna jinkwetawna għax it-tifla ma nafux x’sar minnha… sparixxiet.”

Il-foster parent appellat biex kull min ikun jaf b’xi ħaġa jikkuntattja lill-pulizija filwaqt li appellat biex ikun hemm iktar attenzjoni speċjalment fl-ajruport biex kollox ikun kif suppost, “għax biex ħarġet tifla ta’ seba’ snin, joħroġ kulħadd. Irrabbjata ħafna fuq din il-ħaġa. Naf li dan l-aħħar inqabdu ħafna imma sfortunatament it-tifla tiegħi ma nqabditx għax jien għalkemm il-foster mother tagħha xorta ngħid li dik it-tifla hija tiegħi għax rabbejtha jiena minn kważi twelidha.”  

Share With: