Raġel arrestat f’rejd ta’ droga fil-Marsa jibqa’ jinżamm arrestat fl-Isptar Monte Carmeli

Raġel arrestat f’rejd kontra d-droga f’garaxx fil-Marsa tard nhar il-Ġimgħa li għadda baqa’ jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija wara li ċaħad l-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu.

Ryan Briffa, ta’ 30 sena mill-Marsa, tressaq b’arrest il-Qorti aktar kmieni llum, u ċaħad li kien fil-pussess tad-droga kokaina u eroina f’ċirkostanzi li kienu jindikaw li d-drogi ma kinux għall-użu personali tiegħu.

L-akkużi kontrih kienu aggravati minħabba li l-garaxx inkwistjoni jinsab f’distanza ta’ 100 metru minn post iffrekwentat miż-żgħażagħ.

Micallef kien akkużat ukoll li kiser żewġt digrieti ta’ ħelsien mill-arrest u li rrenda ruħu reċidiv.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif uffiċjali tal-pulizija ta’ kontra d-droga kienu ilhom josservaw lil Micallef fil-garaxx tiegħu li jinsab fi Triq il-Prinċep Albert, fil-Marsa.

Huma osservawh jagħmel kuntatt ma’ diversi persuni magħrufin mal-pulizija b’rabta ma’ traffikar ta’ droga u osservaw ukoll kif oġġetti u flus kienu jiġu skambjati minn tieqa żgħira fil-garaxx.

Il-Pulizija wettqu r-rejd tard nhar il-Ġimgħa bl-għajnuna mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, qatgħu l-bibien tal-ħadid tal-garaxx u arrestaw lil Micallef li kien fuq ġewwa.

Minn tfittxija li saret fil-garaxx instabu diversi pakketti b’suspettata droga kokaina u eroina u kif ukoll ammont tad-droga crack.

Fil-garaxx instabu oġġetti oħrajn marbutin mad-droga.

Micallef ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, madankollu l-avukati tiegħu Franco Debono u Amadeus Cachia talbu lill-Qorti biex tirrikmanda li jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Victor George Axiaq, laqgħet it-talba tad-Difiża filwaqt li ordnat li r-raġel jibqa’ jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Steven Ryan Micallef.

Share With: