“Ridna mmorru fiċ-ċentru ta’ Londra biex ngħinu aktar nies”

Rennie Zerafa minn Puttinu Cares jgħid li sax-xahar li għadda kien hemm 10 pazjenti fuq il-waiting list

Minn Claudio Coleiro

“Bħalissa għandna 20 appartament f’Sutton u ħamsa oħra li nikruhom. Dawn huma kollha mimlijin. Sax-xahar li għadda kien hemm 10 pazjenti fuq il-waiting list. Għalhekk ridna mmorru fiċ-ċentru ta’ Londra biex nilħqu aktar nies.”

Hekk sostna Rennie Zerafa, wieħed mill-fundaturi u Kap Eżekuttiv ta’ Puttinu Cares, f’kummenti li għadda lil Inewsmalta l-għada li ġie ssiġillat il-ftehim li permezz tiegħu l-Gvern se jkun qed jagħti s-somma ta’ €5 miljun lill-Fondazzjoni Puttinu Cares għal xiri ta’ appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra.

Permezz ta’ dan il-ftehim, Puttinu Cares se jkollha proprjetà f’Londra ta’ kważi 20 appartamenti għal tfal u kbar li jkunu jeħtieġu kura speċjalizzata f’Londra. Din il-proprjetà se tkun qiegħda tgħin lill-poplu Malti daqskemm għenu l-proprjetajiet f’Sutton.

Zerafa qalilna li kull xahar qed isiefru bejn 60 u 90 pazjent, bil-parti l-kbira tagħhom imorru f’Londra. “Konna ilna nfittxu proprjetà f’Londra għal diversi snin. Ridna li jkollna l-permessi kollha f’posthom u li jkun freehold, xi ħaġa li diffiċli ssibha f’din il-belt.”

“Dan il-proġett se jiġi jiswina madwar £26 miljun (€30 miljun). Il-Gvern se jkun qed jagħtina €5 miljun u aħna konna diġa’ ġbarna €10 miljun mill-maratoni.

“Ħadna wkoll loan ta’ €15-il miljun. Il-bank tana rati tajbin u l-Gvern se jtina rati tajbin għal-loan. It-tfal u l-ġenituri mhux se jħallsu u se jkollhom appartament li jiswa minn tal-inqas mas-£700,000,” tenna Rennie Zerafa. 

Intant, fl-iffirmar tal-ftehim bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Puttinu Cares, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li dan il-ftehim seta’ jimmaterjalizza għax il-gvern seta’ jagħti s-sostenn tiegħu permezz tal-Fond Socjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali. 

Dr Abela tkellem dwar il-viżjoni tal-gvern fil-qasam tal-mard fejn sostna li l-inkwiet għandu jerfgħu il-gvern. Qal li l-inqas ħaġa li persuni morda jkollhom fuq moħħhom hija l-kwistjonijiet finanzjarji. Qal li għalhekk dan il-ftehim jgħaqqad mal-valur li l-piż lill-batut u lill-marid jerfgħu l-gvern.

Il-Prim Ministru radd ħajr lil kull persuna f’Puttinu Cares li tul is-snin iddedikaw lilhom infushom għal din il-fondazzjoni inkluż dawk li wara li tilfu persuna għal qalbhom, fosthom uliedhom, baqgħu joffru s-servizz tagħhom lil Puttinu.

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna qal li huwa kburi li l-gvern wasal għal dan il-ftehim ma’ Puttinu Cares, li hija fondazzjoni li tagħmel ħafna ġid għax tagħti serħan il-moħħ lill-familji li jkollhom bżonn appartament fl-Ingilterra waqt żmien ta’ mard.

Il-Ministru Scicluna sjega li l-gvern se jħallas rata ta’ £80 għall-appartamenti li Puttinu tmexxi f’Sutton u £170 għall-appartamenti li se tkun qed tmexxi fiċ-ċentru ta’ Londra. Ħabbar ukoll li se tingħata għotja annwali ta’ £150,000 mill-bidu tas-sena d-dieħla u qal li dan il-ftehim ikopri perjodu ta’ 15-il sena.

Min-naħa tiegħu, id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li parti mis-servizz li joffri l-gvern lill-pazjenti Maltin huwa kura barra minn xtutna f’ċentri speċjalizzati għall-kazijiet rari. 

Il-Ministru Fearne qal li kull sena jintbagħtu mat-800 pazjent għall-kura speċjalizzata ħafna barra minn xtutna u li l-maġġornaza tagħhom imorru fi sptarijiet f’Londra.

Share With: