Romelu Lukaku: Se ngħin lil Christian Eriksen biex jerġa’ jsib il-forma

L-attakkant internazzjonali, Belġjan, Romelu Lukaku, iddefenda l-wirjiet tal-kollega tiegħu ma’ Inter, Christian Eriksen. Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-mument xejn sabiħ li għaddej minnu l-attakkant Daniż, Lukaku qal li se jgħinu psikoloġikament biex jerġa’ jsib il-forma, xi ħaġa li sfortunatament mhux jagħmel il-coach tiegħu Antonio Conte. 

Lukaku qal li bħalissa Eriksen għadu qed jitgħallem il-lingwa Taljana u ammetta li lanqas għalih ma kienet faċli sabiex jambjenta ruħu f’pajjiż ġdid. Huwa sostna li hemm min jidra mill-ewwel bħal fil-każ tiegħu u hemm min idum ftit … bħalma ġara lill-plejer ta’ 28 sena. 

Lukaku, li ngħaqad ma’ Inter fis-sajf tas-sena l-oħra mingħand Manchester United, jinsab ċert li Eriksen se jkun qed ipatti għal dawn id-diżappunti u jibda jħalli l-impatt tiegħu fi Stadio San Siro. 

Sadanittant huwa qed jissemma’ li jista’ jirritorna jilgħab f’Londra ma’ Tottenham Hotspur li min-naħa tagħhom la kkonfermaw u lanqas ċaħdu din l-aħbar. 

Li hu żgur hu li bħalissa jeżisti battibekk bejn Conte u Eriksen b’wieħed jirrispondi lill-ieħor fuq il-mezzi tax-xandir. Għal ħafna dan kollu m’hu xejn ħlief inkwiet bla bżonn b’Eriksen  qed jaħsibha serjament itemmx l-avventura tiegħu fl-Italja qabel il-waqt. 

Share With: