Ryan Giggs arrestat fuq suspett li aggredixxa lis-sieħba tiegħu

Ryan Giggs mhux se jkun fit-tmun tat-team nazzjonali ta’ Wales għal-logħbiet internazzjonali li ġejjin mill-UEFA Nations League wara li ġie arrestat fuq suspett li darab lis-sieħba tiegħu, Kate Greville, il-Ħadd filgħaxija. 

L-eks plejer ta’ Manchester United qed jiċħad dawn l-allegazzjonijiet u f’dikjarazzjoni li ta fuq l-istazzjon tat-televiżjoni nazzjonali hu qal li sakemm inaddaf ismu minn din l-akkużi se jkun qed iwarrab għall-inqas għal dan ix-xahar mill-kariga ta’ coach ta’ Wales. Huwa kellu diskussjoni mal-Federazzjoni tal-Football ta’ Wales kif ukoll il-Kap Eżekuttiv Jonathan Ford.

Giggs kien se jgħajjat skwadra ta’ 23 player sabiex jippreparahom mill-aħjar li jista’ għal-logħbiet kontra l-Istati Uniti, ir-Repubblika Irlandiża u l-Finlandja. Huwa għalhekk li għal dawn il-logħbiet li se jintlagħbu f’nofs dan ix-xahar se jkun l-assistent tiegħu Robert Page li se jieħu r-riedni tat-team f’idejh. Dan tal-aħħar hu ex kollega ta’ Giggs u se jkollu jgħinu lil Albert Stuivenberg li hu l-assistent tal-coach ta’ Arsenal Mikel Arteta. 

Hekk kif l-iskwadra se tkun magħrufa fil-jiem li ġejjin, il-players mistennija jirrappurtaw għat-taħriġ il-Ħadd li ġej.

Fi stqarrija l-Federazzjoni tal-Football ta’ Wales qalet li għal dawn il-partiti se tafda kollox f’idejn Robert Page li sejħulu bħala bniedem kapaċi li jkompli fuq it-tajjeb li beda Giggs. 

Sadanittant il-pulizija ġew imsejħa fl-10.05 pm fid-distrett ta’ Worsley, fi Greater Manchester, hekk kif kien qed jinstema’ diversi għajjat u biki mill-ġirien taż-żona. L-istqarrija tal-pulizija tgħid li mara ta’ madwar 30 sena kienet qed issofri minn ġrieħi ħfief bl-ex player ta’ Manchester United  deher joħroġ aktar tard akkumpanjat mill-pulizija. Sadanittant hu qed jikkopera mal-pulizija fl-istħarriġ li qed tagħmel. 

Share With: